Infrastruttura
Mina ġdida fil-Marsa Junction biex tiffaċilita l-ivvjaġġar bil-mixi u bir-rota

Infrastructure Malta u l-Bicycle Advocacy Group (BAG) qegħdin jaħdmu flimkien biex itejbu s-sigurezza u l-effiċjenza tal-infrastruttura ġdida għaċ-ċiklisti fi proġetti li qegħdin isiru bħalissa jew li huma ppjanati għaż-żmien li ġej.

Fi stqarrija  maħruġa miż-żewġ entitajiet intqal li Infrastructure Malta qed iżżid mina (underpass) ġdida fil-Marsa Junction Project, biex tiffaċilita l-ivvjaġġar bil-mixi u bir-rota minn Ħal Tarxien, Raħal Ġdid u Santa Luċija lejn il-Marsa u Ħal Qormi, jew bil-kontra. Il-mina ġdida twila 10 metri se tinfetaħ għaċ-ċiklisti u dawk li jivvjaġġaw bil-mixi sal-aħħar ta’ din is-sena, flimkien ma’ aktar minn kilometru ta’ korsiji għar-roti li Infrastructure Malta qed tibni bħala parti mill-istess proġett.

Intqal li l-Marsa Junction Project jinkludi l-bini mill-ġdid tal-aktar junction li tintuża fis-sistema tat-toroq Maltin, tul ir-rotta arterjali prinċipali lejn in-nofsinhar ta’ Malta tan-netwerk Ewropew TEN-T. Minbarra seba’ flyovers ġodda li qed jeliminaw it-traffic lights qodma li kien hemm f’din il-junction u li se jnaqqsu l-ħin fl-ivvjaġġar u l-emissjonijiet ikkaġunati mill-konġestjoni tul din ir-rotta, dan l-investiment ta’ €70 miljun kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea se joħloq ukoll bankini ġodda u pontijiet għall-mixi, korsiji u tmien waqfiet għall-karozzi tal-linja, żewġ żoni ta’ park and ride u passaġġi għar-roti mifrudin mit-triq. Dawn il-faċilitajiet se jkunu mdawwrin b’żoni msebbħin bis-siġar, pjanti u xogħlijiet artistiċi għall-pubbliku.

Intqal li bil-korsiji għar-roti maqtugħin għalihom u passaġġi oħrajn għall-mixi u r-roti, dan il-proġett se joħloq rotta sigura għaċ-ċiklisti minn Raħal Ġdid għall-inħawi tal-Marsa Sports Grounds fil-Marsa, u lejn l-inħawi tal-korsa taż-żwiemel u l-venda tal-karozzi tal-linja f’Ħal Qormi. Din ir-rotta se tiġi estiża lejn in-nofsinhar għal Santa Luċija u Ħal Tarxien permezz ta’ 1.8 kilometri oħra ta’ passaġġi għall-mixi u r-roti li Infrastructure Malta qed tiżviluppa permezz ta’ proġetti oħrajn, fosthom dak li tlesta riċentement biex inbniet mill-ġdid Triq Ħal Luqa, f’Santa Luċija (ħdejn il-Ġnien Ċiniż tas-Serenità) u l-proġett taż-żewġ mini li qed jinbnew taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija.

Waqt laqgħat li saru mat-tim tal-Marsa Junction Project, il-Bicycle Advocacy Group saħaq dwar l-importanza ta’ din ir-rotta bejn Santa Luċija, Raħal Ġdid u l-Marsa u rrimarka li l-pont pedonali li kien ippjanat li jsir fuq waħda mit-toroq ġodda ta’ dan il-proġett mhux mod konvenjenti għaċ-ċiklisti biex jaqsmu minn naħa għall-oħra tat-triq. Wara li kienu riveduti l-pjanti tal-proġett, Infrastructure Malta pproponiet li minflok il-pont issir mina qasira, b’tul ta’ 10 metri u wiesgħa 5 metri, mibnija mingħajr kantunieri li jxekklu l-vista, biex iċ-ċiklisti u dawk li jkunu għaddejjin bil-mixi jkunu jistgħu jużawha bla periklu u bla biża’. Ġie spejgat li din se tagħmilha possibbli għaċ-ċiklisti li jivvjaġġaw mill-inħawi tal-junction ġdida tal-Marsa tul rotta kontinwa mingħajr ma jkollhom għalfejn jinżlu minn fuq ir-rota biex jirkbu l-liftjiet ħalli jitilgħu fuq il-pont.

Aħbarijiet Oħra
Politika

Il-gvern fi stqarrija qal li jieħu nota ta’ dak li qalet l-Oppożizzjoni dwar il-ħatra tal-President ta’ Malta u tal-Prim Imħallef. Għall-ewwel darba fl-istorja kostituzzjonali ta’ pajjiżna, il-Prim Ministru qed ineħħi…

Kurżitajiet

L-arti hija kullimkien anke fis-sengħa tal-barbiera. Mhux biss jaqtgħu x-xagħar, iżda jirnexxielhom bi preċiżjoni u paċenzja kbira jnaqqxu personaġġi famużi fuq il-qurriegħa tal-klijenti tagħhom. Niskopru l-ħila ta’ barbier Marokkin, li…

Festi

Dħalna Ħal Luqa fis-skiet li s-soltu ma jkunx qed jiddomina fl-ewwel tmiem il-ġimgħa ta’ Lulju – il-festa tal-patrun Sant Andrija. Ittawwalna wkoll fil-parroċċa dedikata lil dan il-qaddis, li bħal- lum…

Mużika

Il-Valletta Waterfront qed tospita mumenti ċinematiċi u mużikali għall-festival tas-Sajf li qed issir b’kollaborazzjoni mal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta f’wieħed mill-ewwel festivals kulturali live wara l-waqfa tal-Covid-19. Fl-isfond tax-xenarju mill-isbaħ tal-fortifikazzjonijiet…

Aktar