Ikel
Mindu bdew jiftħu sa nofsillejl 54% tar-restoranti marru tajjeb

L-assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-istabbilimenti tal-ikel (ACE) ippubblikat it-tieni stħarriġ tagħha dwar l-andament f’Mejju.

Minn jirriżulta li minn mindu r-restoranti bdew jiftħu sa nofsillejl 54% tagħhom qalu li marru tajjeb waqt li 38% qalu li la marru ħażin imma lanqas ma kellhom xi bejgħ kbir waqt li kienu madwar 8% li qalu li ma kienux kuntenti.

Terz biss ta’ dawk li rrispondew għall-istħarriġ qalu li fetħu l-istabbiliment tagħhom fl-24 ta’ Mejju minkejja li r-restrizzjonijiet bdew jitnaqqsu mil-10 ta’ Mejju.

L-istħarriġ sab ukoll li nofs l-istabbilimenti qed joffru skontijiet jew inċentivi oħra biex flimkien mal-vawċers tal-Gvern jattiraw aktar klijenti waqt li żewġ terzi daru għar-reklamar biex jippruvaw jagħtu spinta lin-negozju.

L-ACE semmiet ukoll kif 36% tal-istabbilimenti beħsiebhom iżommu s-servizz tad-‘delivery’ waqt li 27% beħsiebhom iwaqqfuh.