Minn fejn se tinbiegħ il-kannabis jekk tiġi dekriminalizzata u legalizzata?

Ftit tal-ġranet ilu, l-Gvern Malti propona numru ta’ miżuri ġodda rigward l-użu tal-kannabis rikreazzjonali f’pajjiżna. Bosta kienu dawk li laqgħu l-proposti mressqa mill-Gvern, biss oħrajn inkluż numru ta’ entitajiet bħal Caritas u Oasi urew bl-iktar mod ċar li ma jaqblux.

Mistieden waqt il-programm Popolin, Dr Mario Thomas Vassallo, akkademiku fil-Fakultà tal-Ekonomija tenna li għalkemm jaqbel mad-dekriminalizzazzjoni tal-kannabis ma jaqbilx mal-legalizzazzjoni ta’ din is-sustanza. “Ma naqbilx għaliex il-white paper ma hi ċara xejn, hemm inkonsistenza kbira u qerq ta’ informazzjoni li ma ħarġitx fosthom il-lat kummerċjali”. Żied jgħid li hemm nuqqas ta’ indikazzjoni ta’ min se jingħata l-permess ibigħ din is-sustanza u b’liema metodu se tinbiegħ. Huwa jemmen li l-ħsieb ewlieni wara din il-legalizzazzjoni huwa li tinħoloq niċċa ekonomika ġdida biex trendi aktar flus lill-istess Gvern u żżid it-turiżmu. Huwa talab biex din l-informazzjoni tiġi kjarifikata biex il-pubbliku jkun mgħarraf il-metodu ta’ kif se tinbiegħ il-kannabis fl-eventwalità li tiġi dekriminalizzata u legalizzata.

Preżenti waqt il-programm, John Ellul, kriminologu u parti mill-grupp ta’ ħidma li fassal il-proposti maħruġa, ddiskuta l-pożizzjoni tal-Gvern rigward l-użu responsabbli mill-kannabis rikreattiva. F’diskussjoni taħraq bejn iż-żewġ mistiedna ġew imwieġba numru ta’ sitwazzjonijiet. Huwa tenna li bħala Gvern jafu li min jixtieq juża din is-sustanza b’mod responsabbli għandu jingħata dan l-ispazju f’qafas sigur. Żied jgħid li pajjiżna ilu snin twal iġorr stigma rigward dan is-suġġett u ġew ikkastigati nies sempliċiment għaliex għażlu li jużaw il-kannabis b’mod responsabbli; “Illum m’għadux jagħmel sens li mingħajr suspett raġonevoli tiġi arrestat għax sempliċiment għandek il-kannabis”. Huwa saħaq li din il-white paper qed tagħti direzzjoni ta’ fejn jixtieq jasal il-Gvern, biss qeda miftuħa għall-konsultazzjoni pubblika biex kull min jixtieq issemma leħnu dwar dan is-suġġett jingħata din l-opportunità bl-iktar mod trasparenti u miftuħ. Fil-fatt stieden ukoll lil Dr. Vassallo biex ikun parteċipi fl-istess konsultazzjoni. Ellul saħaq li qabel saret il-white paper saru diskussjonijiet estensivi mal-partijiet interessati kollha, inklużi persuni li jagħmlu użu mill-istess sustanza. “Id-dekriminalizzazzjoni qed issir biex jiġi indirizzat it-traffikar, li jġib miegħu diversi problemi għaliex min juża ma għandu l-ebda garanzija li qed jixtri prodotti siguri u ta’ kwalità” ikkonkluda Ellul.

Il-Konsultazzjoni pubblika għalqet fil-11 ta’ Mejju 2021. Tajjeb li ngħidu li saret sejħa minn naħa tal-MCESD biex id-diskussjoni rigward dan is-suġġett titħalla għal wara l-elezzjoni ġenerali dan sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ partiġjaniżmu.