Lokali
“Mingħajr il-kaċċa ma ngħixx” – Jessica Borg, waħda mill-ftit kaċċaturi nisa f’Malta

Kull meta nitkellmu dwar il-kaċċa f’pajjiżna, l-ewwel li jiġi f’moħħna huwa ‘raġel bis-senter’. Iżda Jessica Borg tkisser dan l-isterjotip għaliex Jessica ilha bid-delizzju tal-kaċċa 10 snin. TVM ltaqa’ magħha fl-aħħar jum tal-istaġun tal-kaċċa fir-Rebbiegħa.

Jessica, li għandha 28 sena, hija waħda mill-ftit kaċċaturi nisa f’Malta. Sa minn tfulitha, kienet tmur għall-kaċċa ma’ missierha. Għal Jessica, in-namra għall-kaċċa qiegħda ġo fiha.

”Meta għalaqt it-18-il sena mbagħad applikajt għal-liċenzja tal-kaċċa u bdejt noħroġ waħdi u anki mar-raġel għall-kaċċa. Dejjem inkunu flimkien,” qalet Jessica.

Hija omm ta’ żewġ ulied u taħdem. Madankollu, xorta jirnexxielha ssib ħin għall-kaċċa. ”Ovvjament nilħqu kompromess jien u r-raġel. Noħroġ jien u hu joqgħod mat-tfal jew inkella viċi-versa,” qalet Jessica.

Ma tħosshiex ħuta barra mill-ilma li hi waħda mill-ftit kaċċaturi nisa f’Malta.”Hawn Malta hawn madwar 15-il kaċċatur mara żguri, jekk mhux aktar,” stqarret waħda mill-ftit kaċċaturi nisa f’Malta.

Qabel kellha t-tfal, il-leave kienet iġġemmgħu. ”Dejjem nippjanah għal żmien il-kaċċa biex inkun nista’ mmur nikkaċċja. Kont nippjanah sew minn qabel biex ħadd ma joħodli xi ġurnata li jien irrid inkun qiegħda għall-kaċċa,” stqarret Jessica.

Jessica tistqarr li dan huwa d-delizzju tagħha.”Ma naħsibx li nista’ ngħix mingħajr il-kaċċa għax il-kaċċa hija parti kbira minn ħajti. Ilha minn dejjem,” sostniet Jessica.

Minkejja t-tradizzjoni f’familtha, mhux se timbutta lil uliedha biex isiru kaċċaturi. “Mhux l-għażla tiegħi bħala omm li se nisfurzahom biex imorru għall-kaċċa,” fissret Jessica.

Jessica qalet li n-namra għall-kaċċa twieldet biha u mhux żviluppatha maż-żmien.

 

 

Aħbarijiet Oħra
Lokali

8,601 persuna ffirmaw il-petizzjoni favur il-protezzjoni tal-embrijun li tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Parlament. Fi stqarrija, l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia qal li nqalgħu xi problemi fil-petizzjoni wara li Google aġġornat…

Lokali

Skont l-aħħar figuri, fl-ewwel sena tal-operat tagħha l-iskema  ġdida ta’ BATREE rnexxielha tirdoppja n-numru  ta’ batteriji użati miġbura fuq is-snin ta’ qabel. BATREE , l-iskema ġdida  mħaddma mil-Kooperativa GreenPak  flimkien…

Lokali

13:25: L-Aġenti tal-FBI, fl-aħħarnett qalu li mill-investigazzonijiet illi għamlu jemmnu li n-numru 99683752 kien imqabbad  mal-bomba u ntuża bħala detonator. Qalu li jemmnu li n-99684366 bagħat l-SMS biex l-bomba tisplodi. Nemmnu…

Aktar