Stejjer Umani
“Mingħajr ma trid issir tħobbu… m’hemmx punt li tgħix bla mħabba”

Kważi sena mindu daħlet fis-seħħ il-liġi tal-protezzjoni tat-tfal, 44 tifel u tifla f’kura alternattiva ngħaqdu f’familja b’mod permanenti u issa jistgħu jgħixu f’ambjent stabbli. Dawn huma tfal b’ordni ta’ ħarsien li minħabba diversi raġunijiet ma setgħux jibqgħu jgħixu mal-ġenituri naturali tagħhom.

Television Malta tkellem ma’ żagħżugħ li qed jgħix f’familja b’mod permanenti u stqarr li bl-imħabba li qed jirċievi mill-foster carers fl-aħħar jista’ jieħu r-riedni ta’ ħajtu f’idejh.

“Allaħares ma kinux huma għax kieku jien illum kif jien, żgur m’iniex. Mingħajrhom.”

Il-kliem ta’ dan iż-żagħżugħ huwa indirizzat lejn żewġ foster carers . . . Anna u John Borg li fl-aħħar 5 snin fetħu qalbhom u darhom għal dan iż-żagħżugħ li tfulitu qattagħha fl-istitut. Il-koppja, li għandha tlitt itfal, tefgħet ħarsitha fuq dan it-tifel meta kien abbati.

“Kont narah hemmhekk u kien hekk żgħir u gustuż. Kien qisu teddy bear proprja.”

Is-soru li kienet tieħu ħsiebu kkonvinċiet lill-koppja Borg biex it-tifel iqatta’ Jum il-Milied magħhom. It-tifel qajla esperjenza din il-ġurnata f’ambjent ta’ familja.

“Kien għamel ħabta jgħidli Anna, kemm nixtieq ma noqogħdux ġejjin u sejrin imma nibqa’ magħkom.”

Il-ħolma tiegħu saret realtà b’liġi ġdida li wasslet biex it-tfal f’kura alternattiva jistgħu jingħataw permanenza f’familja b’ordni tal-Qorti.

“Kellna xejn inqas minn 44 każ li issa t-tfal li kienu fostered minnhom se jibqgħu hemmhekk b’permanenza u stabilità. Dik hi xi ħaġa li wieħed ikollu stabilità f’ħajtu hi xi ħaġa importanti mhux l-inqas għal dawk it-tfal li jiġu fostered.”

Ma’ Television Malta, iż-żagħżugħ ta’ 16-il sena stqarr li issa jista’ jippjana ħajtu mingħajr biża’.

“Għandi s-serħan il-moħħ li m’għandix għalfejn niċċaqlaq jiġifieri nista’ nkun kalm u naf li l-futur hu tiegħi mhux ta’ ħaddieħor.”

Iż-żagħżugħ qed jitfarfar u jħossu iktar konxju tad-dehra tiegħu. Irid jibda jmur il-gym.

“Mingħalih sa xahrejn jew tlieta oħra jkollu xi six pack imma jekk idaħħalha f’rasu, jagħmilha.”

Il-koppja Borg għandhom relazzjoni tajba mal-omm naturali tat-tifel. Fi kliemhom għall-ġid tat-tifel stess. Ommu ċċempillu kuljum.

“Hi tapprezza li aħna qed nieħdu ħsiebu u nrawmuh fejn ma tistax hi. Għax hi ma tistax. Full stop.”

Iż-żagħżugħ għall-koppja Borg sar il-mimmi ta’ għajnejha u mnalla marru għall-fostering.

“Mingħajr ma trid issir tħobbu. Jekk xi ħadd jgħidli kontrih pereżempju jkun qisu qed jgħid kontra t-tifel li għandna aħna.”

Jekk ħadd ma jħobbok u inti ma tħobb lil ħadd, m’hemmx punt li tgħix. Minħabba f’hekk, għandi ċ-ċans li ngħix u nuri l-imħabba lejn ħaddieħor u huma juruha lili.