Barranin
Ministru fl-Olanda tirriżenja minħabba l-evakwazzjoni tar-refuġjati mill-Afganistan

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Olanda, Sigrid Kaag, irriżenjat mill-kariga.

Dan wara li l-Parlament iddikjara li x-xahar li għadda mexxiet ħażin fl-evakwazzjoni tar-refuġjati mill-Afganistan.

Membri tal-Parlament minn diversi partiti qalu li l-Ministru Kaag kellha r-responsabbiltà li taġixxi b’mod effettiv biex tassigura l-ażil għal eluf ta’ Afgani li riedu jaħarbu mir-reġim tat-Taliban.

Fl-aħħar ħmistax ta’ Awwissu, ajruplani militari evakwaw ‘il fuq minn 2,000 ċittadin Afgan minn Kabul għal pajjiżi fil-qrib bil-maġġoranza tagħhom kellhom jaslu l-Olanda.

Iżda mijiet ta’ ċittadini mill-Olanda ta’ oriġini Afgana u Afgani li kienu jaħdmu mal-missjonijiet militari tħallew l-art u ma rnexxielhomx jaslu sal-ajruport.

Għal din ir-raġuni l-Ministru għall-Affarijiet Barranin kellha tirriżenja.