Stejjer Umani
Minkejja d-diżabilità, idur b’ommu u b’anzjani waħidhom

Omm b’diżabilità u binha ta’ tletin sena li wkoll għandu diżabilità qalu lil TVM li jgħixu ħajja sempliċi imma serena minkejja d-diffikultajiet.

TVM tkellem ma’ Marica Bayliss li għandha sieq prostetika, u ma’ binha Clayton li twieled b’kundizzjoni fil-moħħ. L-omm qalet li qatt ma basret li binha, li suppost miet ftit wara t-twelid, illum huwa ta’ spalla kbira għaliha, minħabba li llum issibha diffiċli biex timxi.

Malli tiltaqa’ miegħu, il-ħarsa t’għajnejh u t-tbissima tiegħu, tisraqlek qalbek. Clayton John Bayliss illum għandu 30 sena, u jgħix m’ommu Marica Bayliss, li għandha diżabilità u qajla tista’ timxi minħabba li snin ilu qatgħulha partijiet minn saqajha t-tnejn.

Minkejja li Clayton u ommu għandhom sfidi minħabba d-diżabilità, Clayton dejjem issibu bi tbissima, minn filgħodu sa filgħaxija. “Dejjem inħossni ferħan… il-persuna tiegħi hekk.”

Ommu Marica, qaltilna li qabel ma kellha lil Clayton, mititilha tarbija wara t-twelid, u meta kellha lil Clayton kienu qalulha li t-tarbija se jkollha xi kumplikazzjonijiet. “Ta’ sitt ijiem ġie operat, it-tifel twieled b’ħafna ilma f’rasu, u kellhom bilfors jgħamlulu intervent biex l-ilma jitbattal tul ħajtu kollha.”

Marica qalet li minkejja l-isfidi u t-tbatija għax qajla tista’ timxi, u fil-Covid għamlu xhur twal imsakkra d-dar, tħossha mbierka għax Clayton minkejja li b’diżabilità, jgħin mhux biss lilha imma anki lil xi anzjani ġirien tagħhom. “Imur jaqdini, jien illum kif jien kważi ma nimxix, għandi bżonn, imur jgħin anki anzjani, jgħin lin-nies tat-triq, u jixtri bil-pass tiegħu.”

Clayton għandu diversi limitazzjonijiet, iżda b’miraklu baqa’ ħaj u llum maħbub minn ħafna nies, fosthom minn ħuh il-kbir, mill-familja u l-ħbieb. Minkejja li konxju tal-isfidi, it-tbissima ta’ Clayton ma titlaq qatt.

Fis-sempliċità tiegħu, Clayton ibierek lil ħafna nies li jsiru jafuh, għax minkejja li bata, u għandu ċerti limitazzjonijiet, xorta jibqa’ ferħan, għax ma jistenna xejn, u kuntent b’dak li għandu.