Budget2021
“Minkejja l-isfidi tal-pandemija l-ekonomija kellha lqugħ b’saħħtu li żammet lill-pajjiż fil-wiċċ”

Ftit jiem ‘il bogħod mill-budget għas-sena d-dieħla, il-Gvern ta’ rendikont tat-twettiq tal-miżuri li kienu ppjanat għal din is-sena.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna qal li minkejja l-isfidi tal-pandemija l-ekonomija kellha lqugħ b’saħħtu li żammet lill-pajjiż fil-wiċċ u b’hekk setgħu jingħataw isiru diversi interventi biex il-familji u n-negozji bbenefikaw minn diversi għajnuniet. Tenna li l-budget tat-Tnejn li ġej se jinkludi miżuri oħra li se jgħinu lil dawk l-aktar fil-bżonn.

Il-Gvern implimenta 65% tal-miżuri mwiegħda fil-budget tas-sena li għaddiet. Din ir-rata hija ftit inqas mill-medja ta’ dawn l-aħħar sitt snin minħabba li numru ta’ miżuri li kienu ppjanati li jsiru kellhom jiġu posposti sabiex il-Gvern jindirizza l-pandemija, fosthom miżuri relatati mas-saħħa, strateġiji ġodda fit-turiżmu u tibdil fil-flotta tal-Air Malta.

F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar qal li l-budget 2020 kien fih numru rekord ta’ 370 miżura.

”Ix-xogħol li kellu twettaq sar però ovvjament kien hemm ċertu ministeri li kellhom jiffokaw fuq il-pandemija. Kollha qiegħdin dokumentati. Barra minn hekk il-mini budgets kien hemm 3-4 pakketti li huma ta’ importanza kbira. L-għan ewlieni tagħhom kien l-għejxien tan-nies li ma niħdux id-daqqa daqshekk kbira biex l-ekonomija terġa’ tmur full-swing it-tela’ tkun iktar wieqfa.”

Fil-fatt il-pubblikazzjoni ta’ 380 paġna turi li bl-erba’ pakketti finanzjarji l-Gvern alloka s-somma ta’ €2.7 biljun bl-għan li jsalva l-impjiegi, jgħin lil min hu l-aktar fil-bżonn u jagħti spinta lil konsum lokali. Il-figuri juru li b’kollox ġew salvata 90,000 impjieg bir-rata tal-qagħad tkun fost l-anqas fl-Ewropa. Barra minn hekk, ir-rata ta’ qagħad hi anqas minn kemm kienet fl-2009 meta Malta bħall-bqija tad-dinja kienet milquta minn kriżi finanzjarja inqas severa. Minkejja din l-għajnuna huwa prevvist li l-ekonomija Maltija se tikber b’7% s-sena d-dieħla.

F’kummenti ma’ TVM, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna qal li l-Gvern se jibqa’ jagħti l-għajnuna lil dawk l-aktar milquta sakemm tgħaddi l-pandemija. Qal li dan huwa possibbli għaliex l-ekonomija kellha tarka b’saħħitha tax-xogħol li twettaq f’dawn l-aħħar 7 snin.

”Dawn huma l-affarijiet li jagħtu l-Gvern l-ispazju fiskali. Ċertu pajjiżi qed ikollhom darhom mal-ħajt għaliex laħqu d-dejn mija fil-mija. Pajjiżi kbar ewlenin, m’għandiex għalfejn insemmgħuhom, qed issibu diffikultà aħna għadna taħt is-60% allura il-bżonn tal-għajnuna li hemm bżonn ħafna u nibqgħu nagħtuha sakemm nibqgħu fil-pandemija jista’ jagħtiha l-Gvern u dan se jurih fil-baġit li ġej ta’ nhar it-Tnejn.”

Dwar id-defiċit tal-Gvern, l-analiżi turi li dan mistenni jkun temporanju hekk kif ħafna mill-miżuri li taw nifs lin-negozji u l-ħaddiema waqt il-Covid-19 fosthom il-posponiment fuq il-ġbir tat-taxxi u l-ispiża addizzjonali fuq is-saħħa naqqru l-fondi pubbliċi. Fil-fatt in-nefqa fis-saħħa żdiedet b’130 miljun waqt li l-aktar miżura li swiet flus lill-Gvern kienet dik tas-suppliment tal-pagi li tqarreb l-ispiża tal-gvern għall-pensjoni kontributorja.