Politika
Minkejja l-pandemija l-Gvern baqa’ jwettaq riformi u proġetti kbar – Il-PM

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela qal li minkejja l-pandemija, il-Gvern baqa’ jwettaq ir-riformi u jlesti proġetti kbar li se jirrendu f’ġid għal pajjiżna fis-snin li ġejjin.

Dr Abela qal li dalwaqt mistennija tgħaddi l-liġi tar-riforma tal-kera ta’ qabel l-1995 li se twassal biex tassigura lil għaxart elef familja biex ma jispiċċawx bla saqaf fuq rashom. Irrefera wkoll għall-proġett tal-junction tal-Marsa, bil-Prim Ministru jgħid li dan huwa wieħed minn sensiela ta’ proġetti infrastrutturali oħrajn li qed isiru u qed itaffu mill-problema tat-traffiku fil-pajjiż.

Intervistat fuq One TV, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela qal li għada se jibda t-tieni qari għar-riforma fil-liġi tal-kera li se twassal biex tassigura li għaxart elef familja jkollhom saqaf fuq rashom. Dr Abela qal li l-Gvern indirizza l-problema tal-kirjiet ta’ qabel l-1995 li b’kuntrast meta kien il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern, flok solva l-problema, daħħal lill-familji li jikru fi problemi ikbar bir-riskju li kienu se jispiċċaw bla saqaf fuq rashom.

Dr Abela tkellem fuq il-liġi storika li għaddiet din il-ġimgħa, li se twassal għal rappreżentanza aktar ugwali bejn is-sessi fil-Parlament. Spjega li pajjiżna għandu biss 13 % rappreżentanza femminili fil-parlament, fejn fl-Unjoni Ewropea l-medja hija ta’ 33%. Dr Abela qal li l-Gvern irid jara li Malta tkun l-aqwa pajjiż fl-Unjoni Ewropea, mhux biss fis-saħħa u fl-ekonomija, iżda wkoll fl-ugwaljanza. Qal li l-Gvern għall-kuntrarju ta’ amministrazzjonijiet Nazzjonalisti fil-passat ma tefax il-problema taħt it-tapit iżda aġixxa u tgħallem mill-istorja.

Dwar il-proġett tal-Junction tal-Marsa li kien inawgurat din il-ġimgħa, Dr Abela qal li dan juri kemm il-Gvern għandu viżjoni għas-snin li ġejjin, u fakkar li dan mhux l-unika proġett li sar, iżda hemm il-proġett ta’ Santa Luċija, tas-Central Link u l-Junction tal-Kappara. Qal li filwaqt li l-Partit Nazzjonalista ddeskriva l-proġett tal-Marsa bħala spaghetti junction, Dr Abela fakkar kif fi żmien Gvern Nazzjonalista, flok solva l-problema tat-traffiku kompla jżidha b’karozzi tal-linja li ma jgħaddux mit-toroq u joħolqu konġestjoni, u xarabanks jispiċċaw jieħdu n-nar. Il-Prim Ministru sostna li l-Gvern qed jinvesti wkoll fit-trasport bil-baħar tant li fl-ewwel ta’ Ġunju se jibdew joperaw żewġ servizzi tal-fast ferry bejn Malta u Għawdex.

Dr Abela rrefera għall-ħatra tal-erba’ mħallfin ġodda li għall-ewwel darba ma kienx il-Prim Ministru li ħatarhom, iżda kien hemm proċess mmexxi minn kumitat apposta minn Prim Imħallef bid-deċiżjoni aħħarija kienet f’idejn il-President. Qal li dawn ir-riformi saru sabiex jimlew it-toqob li tħallew minn amministrazzjonijiet nazzjonalisti, b’Dr Abela jgħid li l-Partit Nazzjonalista qed ibeżża’ anke lin-negozji bil-bidliet favur il-governanza t-tajba.

Dwar il-pandemija il-Prim Ministru qal li filwaqt li għaddej b’ritmu tajjeb il-programm tat-tilqim, sostna li jifhem lil dawk in-negozji li baqgħu magħluqin u l-assoċjazzjonijiet sportivi li ma jistghux jipprattikaw sport, iżda saħaq li bħalissa dawn huma miżuri tant meħtieġa fil-kontroll tal-imxija tal-Covid. Dr Abela spjega li meta jkomplu jitnaqqsu r-restrizzjonijiet importanti li wieħed jibqa’ jsegwi l-miżuri bħall-ilbies tal-maskra, iġene u żamma ta’ distanza soċjali.