Qasam soċjali
Minkejja li l-ispejjeż żdiedu għal €17-il miljun il-Community Chest Fund tibqa’ tgħin lill-pazjenti

L-ispejjeż tal-Malta Community Chest Fund telgħu għal €17-il miljun fis-sena madankollu l-President ta’ Malta George Vella qal li se jibqa’ jaħdem biex il-pazjenti Maltin u Għawdxin li jkollhom bżonn il-kura speċjalizzata dejjem isibu lill-Malta Community Chest Fund bħala spalla għalihom.

Dr Vella qal dan meta dalgħodu inawgura r-rinovar li sar fil-Kitchen Garden biex dan il-post, li huwa ta’ wens għal tant familji u anzjani, issa għandu ambjent iktar komdu u t-tama li jkompli jiġġenera fondi fil-karus tal-Malta Community Chest Fund.

Tliet xhur bogħod mill-Istrina, il-President George Vella qal li se jkompli jistinka għal tant pazjenti li jiġu bżonn l-għajnuna tal-Malta Community Chest Fund.

Huwa qal li l-ispejjeż, meta mqabbla mas-sena l-oħra, illum telgħu għal €1.4 miljun fix-xahar jiġifieri madwar €17-il miljun fis-sena, l-iktar minħabba l-kimoterapija għall-pazjenti Maltin u Għawdxin li xi drabi titla’ għal €160,000 fis-sena u anke iktar.

“Żgur li mhu se nħalli fi stat li ma nistgħux ngħinuk … minn x’imkien iridu jiġu … timbotta minn fejn jiġu … tivvinta minn fejn se ġġib … sforzi biex naġevolaw id-dħul … għax l-ammonti huma enormi”.

Dr Vella qal li minħabba li l-Malta Community Chest Fund kienet darha mal-ħajt, kawża tal-pandemija, meta kien hemm bżonn il-mediċini, il-Gvern dejjem daħal biex jikkumpensa l-ispejjeż.

Il-President qal dan lil TVM meta kien qed jinawgura rinnovar li sar fil-Kitchen Garden bil-mira li jtejjeb il-kwalità tal-esperjenza ta’ tant familji u anzjani li jiġu biex jirrikreaw ruħhom f’dan l-ispazju wara l-Palazz ta’ Sant Anton.

Dr Vella qal li grazzi għall-ħaddiema tal-Uffiċċju tal-President dan ir-rinovar, l-iktar fir-ristorant tal-Kitchen Garden, l-esperjenza tal-familji bit-tfal u tant anzjani se tkun iktar komda, aċċessibbli u iktar pjaċevoli.

Huwa fakkar li l-qligħ mill-Kitchen Garden imur kollu għall-Malta Community Chest Fund.

Dr Vella spjega kif minħabba l-pandemija naqsu attivitajiet kbar, bħall-Fun Run u Rockestra, li kienu jiġġeneraw dħul sostanzjali għall-MCCF waqt li d-donaturi kbar li kien ikollha kull sena l-Fondazzjoni waqgħu lura minħabba ċ-ċirkostanzi.

“Tinsewx lill-Community Chest Fund. Pajjiżna żgħir però hemm ħaġa waħda … il-poplu Malti u Għawdxi b’qalbu kbira u solidali ma’ min ibati”.

Dr Vella qal li flimkien mas-Sinjura tiegħu, Miriam Vella, u bis-solidarjetà tal-poplu Malti u Għawdxi, jinsab determinat jiġbor il-fondi li hemm bżonn biex jissodisfa t-talbiet li tirċievi din il-Fondazzjoni minn tant individwi u familji li jkunu għaddejjin minn ċirkostanzi ta’ mard u problemi soċjali.