Lokali
Minn April se tibda tingħata kura b’xejn għall-Epatite C

Il-Ministeru tas-Saħħa qed jippjana li sal-2025, f’Malta ma jibqawx persuni morda bl-Epatite Ċ.

Għal dan il-għan tfasslet strategija ta’ kura, screening u prevenzjoni kontra dal-virus li sal-lum joqtol wieħed minn kull tliet persuni li jiġu infettati bih. Fit-tnedija tal-istrateġija, id-deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li ser jibdew jiġu trattati mal-mitejn pazjent kull sena, b’kura ġdida wara li l-Gvern innegozja prezz biex din tkun affordabbli.

Minn April li ġej pazjenti bil-virus tal-Epatite Ċ, se jingħataw trattament b’xejn li jfejjaq għal kollox din il-marda.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar dan fil-bidu ta’ konsultazzjoni pubblika dwar l-istrateġija nazzjonali għall-eliminazzjoni tal-virus tal-Epatite Ċ.

L-istrateġija tkopri wkoll programm ta’ prevenzjoni u screening ta gruppi vulnerabbli sabiex sal-2025 din il-marda tkun eliminata għal kollox minn Malta.

Il-Ministru Fearne qal li tnejn minn kull tliet pazjenti bl-Epatite Ċ jirnexxielhom jgħixu bil-marda imma għal bqija l-virus iwassal għall-kumplikazzjonijiet serji fil-fwied inkluż kanċer tal-fwied.

Huwa qal li l-kura ġiet żviluppat madwar tliet snin ilu iżda l-prezz kien għal dil-kura kien jilħaq mal-€75,000 għal kull pazjent. Qal li fl-aħħar sentejn, saru negozjati biex il-Gvern jixtri din il-mediċina bi prezz raġjonevoli.

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal “ġibna prezzijiet ħafna aktar affordabbli u aktar minn hekk ilħaqna ftehim li nħallsu biss bħala Gvern għal dawk il-każijiet fejn il-mediċini jaħdmu. Jiġifieri dawk il-pazjenti li jfiequ l-Gvern iħallas għalihom, dawk il-pazjenti li ma jfiequx, għalkemm il-pazjent xorta jkun ħa l-mediċina u ma jħallas xejn għaliha.”

Dr Fearne qal li r-rata ta’ suċċess hija ta’ madwar 90 fil-mija u huwa ppjanat li jiġu ttrattati mal-200 pazjent fis-sena. Huwa stmat li bħalissa f’Malta hawn madwar 1,000 pazjent b’din il-marda.

L-ispeċjalista fis-saħħa pubblika Sascha Reiff qal li l-pazjenti li għandhom l-Epatite Ċ, se jibgħatu għalihom mill-Out Patients tal-isptar biex jibdew it-trattament.

L-Ispeċjalista fis-saħħa pubblika Sascha Reiff qal “se nibdew b’dawk in-nies, l-iżjed li qed ibatu minn din il-marda bħalissa ilhom ħafna bil-mard u diġà għandhom il-kumplikazzjonijiet. Imma eventwalment malli jgħaddu l-ħames snin inkunu trattajna lil kulħadd.”

Dr Reiff żied jgħid li ser isir screening għal din il-marda ta’ persuni li jabbużaw mid-droga, persuni li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa u r-residenti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li huma f’riskju akbar li jieħdu dan il-virus.

Ara wkoll:

Aġġornat: trattament b’xejn għall-Epatite Ċ fuq rakkomandazzjoni tal-Ombudsman

Aħbarijiet Oħra
Ambjent

Ġie ffirmat ftehim bejn il-Gvern u l-Birdlife Malta dwar l-amministrazzjoni tas-Salini tal-Melħ fis-Salina. Bi ftehim mal-Gvern, il-Birdlife ser tmexxi dan is-sit li huwa l-ikbar riżerva naturali f’Malta. Is-Salini tal-Melħ fis-Salina,…

Agrikultura

Il-ġbejniet tradizzjonali Maltin mistennija jkunu aktar abbundanti b’tibdil fil-liġi li ser tippermetti raħħala żgħar kważi jirduppjaw il-produzzjoni tagħhom. Madankollu dal-pass xejn mhu jogħġob lir-raħħala u produtturi l-kbar li kienu obbligati…

NGOs

Qabel kiseb suċċess fil-karriera mużikali bħala tenur, Cliff Zammit Stevens għadda minn esperjenzi qarsa, b’ommu ssofri quddiemu vjolenza fiżika kontinwa fir-relazzjonijiet tagħha. Disa’ xhur wara mewtha, Cliff irrakkonta l-ġrajjiet koroh…

Kronaka

Raġel ta’ 41 sena weġġa’ gravi wara li ħabat bil-mutur fil-Fgura. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-2.00 ta’ waranofsinhar fi Triq San Tumas. Il-Pulizija qalet li mill-ewwel tagħrif jirriżulta li seħħet ħabta…

Aktar