Lokali
Minn Awwissu jidħol fis-seħħ tibdil fis-suppliment tal-paga

Kumpaniji li raw id-dħul tagħhom jonqos b’55% jew aktar minħabba l-pandemija tal-COVID-19 se jibqgħu jirċievu s-suppliment tal-paga b’mod sħiħ sal-aħħar tas-sena u għalhekk mhu se jaraw ebda bidla fl-għajnuna mogħtija.

Dan tħabbar fi stqarrija mill-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministeru għall-Intrapriża fejn ġie deċiż ukoll li l-wage supplement jibqa’ jingħata sal-aħħar tas-sena għall-kumpaniji l-oħra kollha.

Madankollu minn Awwissu dawn il-kumpaniji se jkollhom tnaqqis gradwali tal-benefiċċju skont l-impatt fuq id-dħul tagħhom.

Il-Gvern qal li l-għan hu li l-kumpaniji ma jiqfux jirċievu s-suppliment ħesrem iżda minflok jibqgħu jirċevuh sal-aħħar tas-sena bi tnaqqis gradwali.

Dan it-tnaqqis se jinqasam f’żewġ fażijiet, bl-ewwel fażi tibda minn Awwissu, waqt li t-tieni fażi se tibda minn Ottubru u se twassal il-kumpaniji kollha sal-aħħar tas-sena.

Flimkien ma’ dan, in-negozji se jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-appoġġ tal-Malta Enterprise fil-kirja u d-dawl u l-għotja ta’ darba għal dawk li esperjenzaw restrizzjonijiet itwal.

Il-Gvern qal li dan it-tibdil fis-sistema sab l-appoġġ tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali.

Huwa żied jgħid li mindu faqqgħet il-pandemija, il-Gvern investa aktar minn €500 miljun f’għajnuna f’din l-iskema li minnha ggwadanjaw ’il fuq minn 17,000 kumpanija privat li tfisser għajnuna lil kważi 100,000 familja.

Il-Gvern qal li permezz ta’ konsultazzjoni mmexxija mill-Ministru Miriam Dalli ddiskutew kif l-għajnuna tal-wage supplement trid tingħata b’mod effettiv u li trid tkun tapered biex in-negozji jiġu inċentivati u ma jibqgħux jiddependu fuq is-suppliment tal-paga.

Huwa żied li peremzz ta’ din il-konsultazzjoni wasslet lill-Malta Enterprise biex tniedi pakkett ta’ inċentivi ta’ €20 miljun biex in-negozji Maltin u Għawdxin isaħħu l-mudell ta’ negozju tagħhom għall-ġejjieni.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Carmelo Abela spjega li minbarra s-suppliment tal-paga, id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi ra li min iħaddem ikun jista’ jbiddel b’mod temporanju l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tiegħu biex ikun issalvagwardjati l-impjiegi. Miżura li qal salvat 27,000 impjieg.

Il-negozji se jkunu mgħarrfa b’dan il-proċess fil-jiem li ġejjin permezz ta’ komunikazzjoni elettronika.