Waqt il-Kafé
Minn banda mal-Ingliżi għal orkestra fl-aqwa swali tad-dinja

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Il-mużika kulħadd iħobbha. Imma mhux kulħadd iħobb l-istess ġeneru. Fil-programm tiegħi fuq ir-radju ndoqq mużika popolari, l-aktar dik tas-snin tmenin. Iżda la tkun tħobb il-mużika, bilfors trid tapprezza dak kollu li maż-żmien ikun għamel progress… u progress sinifikanti.

L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta għalqet ħamsin sena, iżda taf il-bidu tagħha qabel… meta konna għadna taħt l-Ingliżi. F’dak iż-żmien, il-Kap tas-Servizzi f’Malta kien l-Ammirall. Minħabba l-kariga tiegħu kien ikollu hafna okkażjonijiet u attivitajiet ta’ klassi. Għal dan il-għan, l-Ammirall kellu banda żgħira li kienet iddoqq waqt ikliet gala, serati ta’ żfin, parties u kunċerti. Il-banda ġieli anki siefret meta siefer l-Ammirall biex iddoqq fl-okkażjonijiet li jinqalgħu. Dan kien grupp ta’ għoxrin mużiċist u surmast li xogħolhom kien biss il-mużika.

Iżda fl-1968, din l-orkestra żgħira sabet skoll. Minħabba r-rundown tas-servizzi Ingliżi, l-orkestra ingħatat l-avviż li se tispiċċa. Ma kienx faċli għal grupp ta’ rġiel għadhom irabbu familja li jispiċċaw bla xogħol. Huma nsistew li ssir xi ħaġa u l-Ammirall aċċetta li jħallashom għal sentejn oħra, iżda ma jibqgħux iġibu ismu u jsiru l-Orkestra tat-Teatru Manoel. B’hekk, ħamsin sena ilu, fl-1968, twieldet l-orkestra ta’ Malta.

L-aħħar direttur mużikali li kellu l-Ammirall, Mro Joseph Sammut, sar l-ewwel direttur tal-orkestra tal-Manoel. Żdiedu l-mużiċisti u wara ftit tas-snin twaqqfet ukoll l-iskola tal-Muzika Johann Strauss biex jitrawmu aktar mużiċisti żgħażagħ.

Fl-1997, l-orkestra saret indipendenti mit-Teatru Manoel u saret l-Orkestra Nazzjonali. Bdew isiru aktar kunċerti f’postijiet differenti u żdiedu l-mużiċisti.

Fl-2008 saret l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta u llum hija l-unika orkestra professjonali f’pajjiżna. Tieħu sehem f’għadd kbir ta’ kunċerti li jvarjaw minn kunċerti sinfoniċi, opri u attivitajiet ta’ mużika ħafifa. Daqqet għal kantanti ta’ fama u tmexxiet minn diretturi magħrufa. Hija orkestra li llum b’rasha merfugħa ’l fuq iddur l-aqwa swali fid-dinja u turi li anki fil-mużika klassika, Malta m’għandha xejn inqas minn ħaddieħor. L-orkestra daqqet fiċ-Ċina, il-Ġermanja, l-Italja u ftit xhur ilu daqqet fil-Musikverein ta’ Vjenna; is-sala minn fejn naraw il-famuż kunċert tal-ewwel tas-sena.

Dax-xahar l-orkestra se żżur u ddoqq f’numru ta’ bliet Amerikani u Russi. Fost oħrajn se tagħti kunċerti fil-Carnegie ta’ New York u fil-Mariinsky ta’ San Pietruburgu u se ddoqq anki mużika minn Malta.

Min jaf waqt dawn il-kunċerti fl-Istati Uniti u fir-Russja, in-nies tal-post jiftakrux li kien propju f’Malta li ż-żewġ potenzi temmew il-gwerra bierda… u jiċċelebraw bil-mużika minn Malta.

Aħbarijiet Oħra
Għawdex

F’Għawdex tnieda servizz ta’ emerġenza ġdid għall-pubbliku li se jopera wara l-ħinijiet tal-uffiċċju, fi tmiem il-ġimgħa kif ukoll fil-btajjel pubbliċi. Dan is-servizz, li beda fuq inizjattiva tal-fergħa Għawdxija tal-Fondazzjoni għal…

Annimali

F’dan iż-żmien tas-sena ħafna jsibu ħin biex jagħmlu atti ta’ imħabba jew solidarjetà mal-oħrajn. Artista Franċiża li tgħix Malta ddeċidiet li ttella’ wirja b’pitturi biex bil-flus li tiġbor mill-bejgħ tagħhom,…

Mużika

Il-kunċert tal-President għas-Sena l-Ġdida se jżomm mat-tradizzjoni u jsir fl-Epifanija fis-6 ta’ Jannar f’Dar il-Mediterran għall-konferenzi l-Belt. Il-kunċert b’kollaborazzjoni ma’ Festival Malta u l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta se jsir b’risq…

Kronaka

L-awtoritajiet tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin qed jinvestigaw il-mewt ta’ priġunier Malti ta’ 26 sena li nstab mejjet. Television Malta jinsab infurmat li l-priġunier neħħa ħajtu. Fi stqarrija maħruġa mill-Faċilità Korrettiva…

Aktar