Kultura
Minn ċkunitu b’kollezzjoni b’rabta ma’ San Ġorġ

Bħal-lum, il-Qriema kienu jimlew it-toroq għall-festa ta’ San Ġorġ li issa se ssir b’forma ridotta fis-6 ta’ Settembru b’quddiesa solenni u filgħaxija pellegrinaġġ bil-vara. Iżda għall-kollezzjonist Neville Attard, San Ġorġ jgħix f’qalbu s-sena kollha. Minn ċkunitu beda jġemma kull ħaġa marbuta mal-qaddis, u llum il-kollezzjoni tiegħu tiksi d-dar kollha.

Hawn ikun mimli daqsa bajda bħal-lum, il-festa ta’ San Ġorġ Martri. Iżda minflok, hawn is-skiet taqtgħu b’sikkina għaliex il-festi dis-sena waqgħu vittma tal-COVID19. Neville Attard, Ġorġjan minn ġuf ommu, għalih il-qaddis patrun tiegħu tiġi l-ewwel u qabel kollox. Jgħix ma’ nanntu Vitorin fl-iktar parti antika ta’ Ħal Qormi tefgħa ta’ ġebla bogħod mill-parroċċa ta’ San Ġorġ.

Minn ċkunitu beda jġemma kull ħaġa marbuta ma San Ġorġ , minn statwi u pitturi sa xogħol fil-fidda, santi, flixken, u litterlament mitt elf ħaġa oħra. Kif tmidd riġlejk fid-dar ta’ Neville ma tara xejn ħlief xbigħat ta’ San Ġorġ. L-aħħar akkwist kien San Ġorġ żgħir. Ta’ tmien snin Neville qala’ statwetta tal-kartepesta ta’ San Ġorġ mingġand nannuh. “Jien bqajt inzid, bqajt inżid ħafna. Iva, meta insiefer, ġieli qlajt xi affarijiet. Nixtri ħafna oħra. L-iktar għal qalbi forsi tal-kartapesta tan-nannu għax kienet l-ewwel waħda mbagħad dawn ta’ Spanja jogħġbuni ħafna, hawn ħafna,kollha differenti, qisu ma tistax tgħid wiehed jew l-ieħor għax kollha għal qalbi.”

Fil-wirja, għoddejna 30 ikona, ftit aktar minn 200 keychain, domni u medalji, 50 kwadru u daqstant ieħor souvenirs fosthom plattini u pożati, 300 santa u postcards u 80 statwa. Il-kollezzjoni ta’ Neville mogħnija wkoll b’għadd ta’ relikwi ta’ San Ġorġ. Il-kollezzjonist spjega li l-aktar żewġ statwi għal qalbu ġabhom minn barra, waħda minn Spanja u l-oħra minn Marsilja fi Franza. F’vetrina apposta, statwa kbira ta’ San Ġorġ Martri, xogħol Għawdxi, li xi drabi sellifha lit-tfal Qriema biex joħorġu b’purċissjoni biha. “L-iżgħar oġġett hija ħolqa u l-ikbar waħda statwa kbira mill-artista Għawdxi Austin Camilleri.”

Nanntu Vitorin, qaltilna li fil-ġranet tal-festa bosta jkunu dawk li jittawlu lill-wirja li n-neputi tagħha jgħożż daqs il-mimmi t’għajnejh. Qatt ma garret għad-delizzju tan-neputi tagħha, tant li tieħu ħsieb li l-kollezzjoni ta’ San Ġorġ tibqa’ nadifa tazza. “Jien, għax dak ikun il-knisja. Jien indur bihom. Jien inħallih jagħmel kollox u ma mmerihx.”

L-appuntament tal-Qriema mal-festa ta’ San Ġorġ Martri issa hija fis-6 ta’ Settembru, fejn skont ir-regoli mħabbra mil-Kurja, dakinhar filgħodu ssir il-quddiesa solenni u filgħaxija l-pellegrinaġġ bil-vara ta’ San Ġorġ Martri.