Lokali
Minn din il-ġimgħa se jingħataw glucose sticks lil dawk bid-dijabete Type 2

Hekk kif illum qed jitfakkar il-Jum Internazzjonali għall-għarfien dwar id-Dijabete, il-Gvern ħabbar li minn din il-ġimgħa se tiġi estiża l-iskema tal-‘glucose sticks’ għal dawk kollha li qegħdin bl-insulina.

Issa se jibdew jingħtaw sticks b’xejn biex jiġi ċċekkjat iz-zokkor ukoll ta’ dawk li għandhom id-dijabete Type 2 u li qegħdin fuq l-insulina.

Fi stqarrija l-Ministeru tas-Saħħa qal li d-dijabete hi kundizzjoni li taffettwa ħafna Maltin. Hu stmat li madwar 10% tal-popolazzjoni f’pajjiżna hi dijabetika.

Qal li l-aħħar snin tnieda pjan nazzjonali għad-dijabete li jirrikonoxxi l-bżonn li d-dijabetiċi jiċċekkjaw iz-zokkor tagħhom regolarment. Għal dan l-għan, mis-sena li għaddiet bdew jingħataw sa 4 glucose sticks kuljum lid-dijabetiċi Type 1.

Minn din is-sena beda proġett pilota biex jibdew jingħataw sa 4 glucose sticks kuljum lil dawk b’dijabete Type 2 u li qegħdin fuq l-insulina. Il-proġett pilota beda fis-sajf li għadda u kien jinkludi lil dawk li jiġbru l-mediċini tagħhom mill-ispiżeriji tal-Gudja, ta’ San Ġiljan, tal-Imġarr (Malta) u ta’ Kerċem f’Għawdex.

Minn din il-ġimgħa dan il-proġett se jkun estiż ftit ftit madwar Malta u Għawdex biex sa tmiem is-sena dawk kollha li għandhom id-dijabete Type 2 u li qegħdin fuq l-insulina jkunu qegħdin jibbenefikaw.

Dawk intitolati se jirċievu ittra fil-jiem u fil-ġimgħat li ġejjin mill-POYC li tispjega meta se jkunu jistgħu jibdew jiġbru l-glucose sticks tagħhom.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Filmat esklussiv li qed ixandar tvm.com.mt juri s-sekwenza kollha ta’ mara li allegat li sar attentat biex jaħtfu lil binha li kien fil-pushchair f’ħanut f’Birżebbugia. Fil-filmat jidher li din l-omm…

Lokali

Xahrejn wara li seħħet serqa mill-Knisja Parrokkjali ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid, il-lejl li għadda, l-istess knisja kienet fil-mira ta’ ħalliel. Iżda din id-darba, grazzi għall-intervent tal-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit,…

Lokali

Il-Partit Laburista permezz tad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u d-deputat Glen Bedingfield immarkaw il-fatt li fil-Parlament ilbieraħ kien hemm disa’ deputati tal-Oppożizzjoni fosthom seba’ tal-Partit Nazzjonalista li ma appoggjawx il-mozzjoni…

Aktar