Lokali
Minn films sa ‘childcare’ – Maltin ikabbru n-negozju bi skemi tal-Bank Malti għall-Iżvilupp

Kenneth Cassar huwa sid ta’ kumpanija li tispeċjalizza fl-effetti speċjali għall-films kbar Amerikani u dan l-aħħar ħa spinta bl-iskema tal-Bank Malti għall-Iżvilupp biex seta’ jibda jopera n-negozju tiegħu minn spazju ikbar u aħjar. Bħalu għamel Aaron Axiaq li ħa vantaġġ minn din l-iskema biex fetaħ ħames childcare centres madwar Malta.

Dawn huma tnejn minn 96 proġett li fl-aħħar sena u nofs saru bl-appoġġ tal-iskema ta’ garanziji fuq self tal-Bank Malti għall-Iżvilupp b’investiment ta’ madwar €30 miljun. Iċ-Chairman tal-Bank, Josef Bonnici, qal li din l-iskema qed tgħin lin-negozji mhux biss biex ikampaw waqt il-pandemija, iżda wkoll biex jikbru u jkunu innovattivi.

Il-kumpanija ta’ Kenneth Cassar ħadmet l-effetti speċjali f’bosta films li nħadmu fil-gzejjer Maltin, fosthom Gladiator, Troy u World War Z.

Permezz tal-appoġġ li rċieva mill-Malta Development Bank, s-sur Cassar seta’ jkompli jinvesti fin-negozju tiegħu, li minbarra li joffri s-servizzi lil blockbusters li jiġu Malta, jaħdem ukoll f’films kbar madwar id-dinja. Waqt li dawwarna mal-workshop il-ġdid li għadu kif lesta b’investiment ta’ kważi nofs miljun Ewro, spjega kif bl-appoġġ tal-iskema ta’ garanziji fuq self tal-Bank Malti għall-Iżvilupp, b’rati tal-imgħax vantaġġjużi u garanzija ta’ 80% fuq l-ammont misluf, is-sur Cassar seta’ jagħmel dak li qabel ma setax jagħmel waħdu.

“Għalija salvatni biex inkompli x-xogħol tiegħi għax kif kont ma stajtx inkompli, kont naħdem minn post żgħir u post li ma huwiex addattat li stajt inkompli, għeni nikber imma ma stajtx inkompli hemmhekk. Kif kien hawn dawn l-iskemi u applikajt ghalihom, tista’ tara madwarek, nista’ nqisni state of the art workshop fil-qasam tal-ispecial effects.”

Bħal Kenneth Cassar, Aaron Axiaq ukoll kabbar in-negozju tiegħu, biex fetaħ il-ħames child care centre tiegħu. Ma’ Television Malta is-sur Axiaq spjega kif bl-appoġġ li rċieva mill-iskema ta’ investiment li hija intermedjata mill-Bank of Valletta, li huwa l-imsieħeb tal-Bank Malti għall-Iżvilupp fl-implimentazzjoni tal-SME Invest, huwa seta’ jiftaħ aktar child care centres min dak li kien jiftaħ bir-rati ta’ self għan-negozji li jiġu offruti normalment.

“Daħal bħala rati ta’ imgħax li huma vantaġġjużi ħafna u fl-istess ħin bi 80% garanzija fuq l-investiment per se. Dak fisser li ahna stajna aktar naghmlu iktar investiment f’dan is-settur ukoll.”

Is-sur Axiaq żied jgħid li bl-aċċess aktar faċli għal finanzjament, li fost oħrajn inaqqas l-ammont meħtieġ li jkollhom jagħmlu tajjeb għalih in-negozji, fix-xhur li ġejjin ser ikompli jinvesti fi proġetti ġodda fis-settur tac-childcare.

Fi stqarrija, il-Bank Malti għall-Iżvilupp qal li l-iskema tappoġġja investiment sa massimu ta’ €750,000 b’rati tal-imgħax vantaġġjużi u tipprovdi garanzija ta’ 80% fuq l-ammont misluf, fl-aħħar sena u nofs mindu twaqqfet għenet kull tip ta’ negozju.

Iċ-Ċerman tal-Bank, il-Professur Josef Bonnici, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għas-suċċess tal-iskema u qal li huwa inkoraġġanti ferm li l-Bank jista’ jgħin lin-negozji biex mhux biss ikampaw fi żmien il-pandemija, iżda li saħansitra jikbru u jkunu innovattivi fil-prodotti u s-servizzi tagħhom.