Minn ġbir tal-festi jinxtara tagħmir għall-Isptar t’Għawdex

Il-Knisja f’Għawdex tat donazzjoni ta’ siġġijiet tar-roti u tagħmir ieħor ġdid għall-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Dawn inxtraw bħala ġest ta’ karità minn flus li nġabru biex jiġu organizzati l-festi s-Sajf li għadda.

F’inizjattiva fl-okkażjoni tal-150 anniversarju mit-twaqqif tad-Djoċesi ta’ Għawdex, is-Sajf li għadda l-15-il parroċċa u l-komunità reliġjuża tal-Franġiskani Konventwali f’Għawdex warrbu flus mill-ġbir li għamlu għall-organizazzjoni tal-festa biex imorru għal inizjattiva ta’ karità.

Il-Knisja f’Għawdex ħasbet li bil-flus miġbura tingħata għajnuna materjali lill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, post li darba jew oħra r-residenti tal-gżira jmissu miegħu. B’aktar minn €5,000 inxtraw siġġijiet tar-roti u tagħmir ieħor li ġie ppreżentat lill-amministrazzjoni tal-isptar fil-jiem li għaddew.

“B’dawn l-għotjiet anke minn entitajiet mhux governattivi nkomplu dejjem intejbu s-servizz u l-livell ta’ kwalita’ f’dan l-isptar,” stqarret il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, Nadine Delicata.

L-Isqof ta’ Għawdex, Monsinjur Mario Grech stqarr li s-soċjeta’ li hi fid-dmir twieżen lill-istat li qed jinvesti miljuni ta’ Ewro biex il-poplu jkollu servizzi ta’ saħħa b’xejn/ Stqarr li hu minnu li l-poplu jħallas it-taxxi, iżda żied jgħid li din il-kontribuzzjoni mhix biżżejjed/ L-Isqof saħaq li ġustizzja mifhuma f’sens dejjaq, li wieħed jagħti daqskemm jirċievi lura, mhix kollox.

“Irridu nħaddmu wkoll il-loġika tal-gratuita’, jiġifieri li aħna nikkontribwixxu mingħajr ma nistennew xejn lura. B’dan il-ġest, l-għotja ta’ dawn il-wheelchairs u strumenti oħrajn, il-Knisja f’Għawdex riedet turi li mhux biss tibki ma’ min jibki imma riedet tagħti kontribut biex ittaffi t-tbatijiet tal-bniedem tal-lum,” qal l-Isqof t’Għawdex Monsinjur Mario Grech.

Bosta mill-parroċċi Għawdxin iwettqu ġesti oħra ta’ karità fi żmien iċ-ċelebrazzjoni tal-festi fosthom bi ġbir ta’ fondi għal saċerdoti jew reliġjużi li qed iwettqu ħidma fil-missjoni.