Lokali
Mil-lum Malta tista’ tuża €120m għal sussidju tal-pagi tal-ħaddiema milquta mill-COVID-19

Mil-lum, Malta se tkun tista’ tibda tuża mal-€120 miljun ewro f’self b’rati vantaġġjużi mill-programm imsejjaħ SURE tal-Unjoni Ewropea. Dan il-programm twaqqaf din is-sena biex jgħin lill-Gvernijiet jissussidjaw is-salarji tal-ħaddiema li l-aktar ġew milquta mill-pandemija.

F’intervista esklussiva li tat lil Keith Demicoli it-Tnejn filgħaxija, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen qalet li Malta tista’ tirċievi sa massimu ta’ €244 miljun minn dan il-programm li minnu qed igawdu 16-il pajjiż ieħor.

Hija tkellmet ukoll dwar it-tilqima tal-COVID u għamlitha ċara li Malta se jkollha aċċess għal mill-inqas 330,000 tilqima.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen tgħidilna li rridu nkunu aktar paċenzjużi biex noħorġu mill-pandemija u ħabbret li għada l-Unjoni Ewropea se tiffirma l-ħames kuntratt ma’ kumpanija tal-farmaċewtika Ewropea li qed taħdem fuq tilqima potenzjali tal-COVID-19. Stqarret li jekk waħda jew aktar minn dawn il-kumpaniji jiżviluppaw tilqima sigura u effettiva, Malta se jkollha biżżejjed dożi biex jitlaqqam kulħadd.

Fakkret ukoll li Malta se tirċievi aktar minn biljun ewro u nofs mill-programm ta’ rkupru Ewropew magħruf bħala ‘Next Generation EU’ bil-għan li l-ekonomija Maltija tirkupra mill-impatt tal-pandemija.

Isma’ l-intervista kollha hawn: