Lokali
Minn għada se jibdew il-laqgħat bejn it-tfal u l-ġenituri bħalma kien isir qabel

Minn għada l-aċċessi b’superviżjoni u ta’ moniteraġġ ta’ minuri li huma rregolati bil-Qorti se jerġgħu jibdew isiru kif kienu jsiru qabel il-pandemija għalkemm b’differenzi żgħar relatati mad-distanza soċjali u l-iġjene.

Dan wara digriet mill-Qorti tal-Familja ppreseduta mill-Imħallef Anthony Vella.

Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali qal li d-digriet ingħata wara li l-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali u d-Direttorat għall-Kura Alternattiva ngħataw linji gwida mill-awtoritajiet tas-saħħa. L-aċċessi se jibdew isiru fi spazji miftuħin bħal ġonna pubbliċi u postijiet oħrajn tal-Fondazzjoni. Fl-istess waqt, se tibda tinżamm id-distanza soċjali u tfal ta’ aktar minn sitt snin jilbsu maskra jew visor.

It-tfal li jgħixu fi djar residenzjali differenti mhux ser ikunu qed jiltaqgħu fiżikament bejniethom. Skont l-istess id-digriet, l-aċċess ser ikun biss għall-ġenituri bijoloġiċi tal-minuri u għan-nanniet.