Enerġija
Minn għada tista’ tapplika għal skemi ġodda għall-pannelli tax-xemx

Familji li jixtiequ jinvestu f’enerġija rinovabbli jew li fl-imgħoddi kienu investew f’sistemi ta’ pannelli tax-xemx u skadilhom il-kuntratt tal-feed-in tariff, minn għada se jkunu jistgħu japplikaw għal żewġ skemi ġodda.

Sandro Lauri mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma qal li waħda se tkun fil-forma ta’ għotja għax-xiri tal-panelli jew batteriji għall-ħażna tal-enerġija b’feed in tariff ta’ 10 ċenteżemu punt ħamsa u l-oħra għal min se jinvesti f’panelli imma mhux se jieħu għotja u minflok se jirċievi feed-in tariff ogħla ta’ 15-il ċenteżmu.

“Għal min se jibbenefika minn grant jista’ jinvesti kemm f’panelli kif ukoll panelli li għandhom batterija integrata magħhom, kif ukoll min jixtieq iżid batterija fuq sistema li diġa għandu installata taħt skema antika.”

Il-Ministru għall-Enerġija, Miriam Dalli qalet li l-Gvern qed jinvesti €9 miljun f’dak li fissret bħala l-ikbar investiment fl-enerġija rinovabbli għar-residenti.

“Qegħdin nindirizzaw lil dawk il-persuni li diġà għandhom sistemi ta’ panelli solari u llum qed iħarsu lejn battery storage biex ikunu jistgħu jaħżnu l-units li huma ipproduċu u jikkunsmawhom meta jkunu komdi jagħmlu dan pero qegħdin naraw ukoll li ngħinu lil dawk il-familji li kienu fuq skemi ta’ feedin tariff li skadewlhom wara sitta jew 8 snin.”

Il-Ministru Dalli spjegat li panella ddum isservi madwar 20 sena u tixtieq li familji li xtraw dan it-tagħmir jieħdu l-massimu tal-investiment li għamlu. Spjegat li flimkien mal-imsieħba ewlenin MDA, Kamra l-Kummerċ u Kamra tal-Intrapriżi ż-Żgħar, qed ikunu diskussi proposti għal iktar enerġija rinovabbli għall-użu domestiku u s-settur kummerċjali.