Trasport
Minn għażla personali għal kampanja biex aktar nies jużaw ir-rota

F’toroq battala mill-vetturi matul il-pandemija jidher li l-użu tar-rota żdied, kemm bħala mezz ta’ attività fiżika imma wkoll mezz ta’ trasport alternattiv. Grupp ta’ nisa b’kollaborazzjoni mal-organizzazjoni MOVE ngħaqdu fil-kampanja ROTA biex jiżdied l-użu tar-roti fit-toroq Maltin. Fil-Jum Dinji tar-Roti, iltqajna ma’ infermiera li minn tmien xhur ilu ‘l hawn bdiet tmur ix-xogħol bir-rota.

F’Ottubru li għadda Janice Caruana għamlet għażla u bdiet tmur ix-xogħol bir-rota. Janice, li hija infermiera tal-ambulanza, spjegat li t-traffiku u l-ispazju limitat għall-parkeġġ ma kinux l-unika raġuni għad-deċiżjoni tagħha.

“Hu fatt magħruf li jekk inti se tagħmel l-eżerċizzju toħroġ il-hormone endorphin li ħa ġġiegħlek tirilassa u ħa tħossok iktar rilassata tul il-ġurnata tax-xogħol. Aħna x-xogħol tagħna stressanti minnu nnifsu u permezz tar-rota sirt inkun iktar kalma fuq il-post tax-xogħol,” qalet Janice Caruana.

Janice qalet li l-akbar sfida hija n-nuqqas ta’ infrastruttura għar-roti u xi drabi nuqqas ta’ rispett mis-sewwieqa. Madankollu, bdiet tħajjar lil sħabha jagħmlu bħalha.

“Bdiet takkumpanjani Cynthia – jien nieqaf ix-xogħol tiegħi hawnhekk Raħal Ġdid u hi tibqa’ sejra x-xogħol tagħha l-MCAST,” qalet Janice Caruana.

Ftit ftit bdew jingħaqdu magħhom oħrajn. Fil-Jum Dinji tar-Rota, Cynthia Debono spjegat li llum ma joqogħdux mingħajr rota.

“Mhux biss spiċċajna aħna nduru bir-rota imma magħna ċaqlaqna komunità sħiħa għaliex imbagħad bdew javviċinawna n-nies , ħbieb u anke nies li ma nafuhomx. Għallimna rota lil tfal, lil nisa lil irġiel tul dan iż-żmien kollu tal-pandemija,” qalet Cynthia Debono.

Għalihom ir-rota saret mezz ta’ trasport u ta’ attività fiżika.

“Insibu ħin jien ir-raġel u t-tifla u ġieli anke mat-tifel sabiex induru bir-rota ġieli nagħmlu siegħa, sagħtejn u tlieta ġieli,” qalet Nadine Camilleri.

Cynthia qalet li l-karozza ftit li xejn qed jużawha u b’kollaborazzjoni mal-organizzazzjoni MOVE ngħaqdu fil-kampanja ROTA bil-għan li jiżdied l-użu tar-rota fil-komunità.

“Nemmen li jekk iktar nies jibdew isuqu r-rota finalment ħa nispiċċaw b’inqas karozzi fit-triq u iktar roti jiġifieri ejja nkunu aħna li nibdew din il-bidla,” temmet tgħid Cynthia Debono.

Aħbarijiet Oħra
Kultura

Maħżen tal-festa nbidel fi klassi fi proġett biex il-prattika ta’ snajja tradizzjonali li jispikkaw fil-festi Maltin tintiret u ma tmutx. Il-proġett tmexxa mill-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija ta’ Ħal Luqa, li…

Infrastruttura

Inkonvenjent li ilu snin jurta lill-Birżebbuġin se jiġi indirizzat bi proġett li Infrastructure Malta qalet se tibda fi tmiem dan is-sajf. Il-proġett hu maħsub li jtaffi l-problema tal-għargħar, ikkawżata mill-baħar…

Lokali

Mil-lejla bdew jiġu organizzati l-pellegrinaġġi fl-okkażjoni tal-festi tal-ibliet u l-irħula li se jibqgħu għaddejjin sat-8 ta’ Diċembru meta tiġi ċċelebrata l-Kunċizzjoni f’Bormla. Illejla, tliet lokalitajiet qed jorganizzaw dawn il-pellegrinaġġi: Ħal…

Tradizzjonijiet

Jumejn ‘il bogħod mill-Jum Internazzjonali tal-Bizzilla, grupp ta’ persuni nġabru fil-Mużew Nazzjonali tal-Etnografija, fil-Palazz tal-Inkwizitur il-Birgu, biex jaħdmu bizzilla tradizzjonali Maltija. Jekk hemm xi impressjoni li l-arti tradizzjonali tal-bizzilla qed…

Aktar