Agrikultura
Minn għelieqi kbar lewn id-deheb għal għexieren ta’ balal ta’ tiben

“Marzu jgħidlu ikber, April iżbel u Mejju aħsad.” Hekk jgħid il-Malti għall-qamħ. Żmien il-ħsad tista’ tgħid għadda u minn għelieqi kbar lewn id-deheb illum tilmaħ għexieren ta’ balal ta’ tiben . . . il-ħażna ta’ sena magħlef għall-bhejjem.

L-aħwa Eric u Mark Vella huma t-tielet ġenerazzjoni ta’ bdiewa li jieħdu ħsieb għelieqi kbar bil-qamħ fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta. Spjegaw li l-qamħ jinżera’ fl-aħħar xahrejn tas-sena u jitħalla jitla’ bil-mod.

“Imbagħad ngħinuh naqra bis-sulfat. Tagħmel naqa’ xita u nagħtuh naqa’ sulfat fuqu. Imbagħad f’idejn il-Bambin kollox,” qal il-bidwi Eric Vella.

Eric qal li din is-sena kienet batuta billi kien hawn xahrejn mingħajr xita iżda mbagħad ix-xita li għamlet lejn l-aħħar għenet: “Diżastru kien ikun hawn. Lanqas kien ikun hawn għall-bhejjem ta’ Malta. Imma l-aħħar naqra tranġa x-xogħol”

Il-ħsad beda f’April u ssokta f’Mejju. Fl-imgħoddi x-xogħol kien isir kollu bl-idejn. Illum bit-tractor: “il-minġel spiċċa. Il-minġel biex iżżejjen bih illum biss.”

Il-qamħ maħsud jitħalla fl-art għal madwar ġimagħtejn biex jinxef sewwa u mbagħad jibdew jorbtuh.

“Jgħaddi ħija bit-tractor igeddsu, jagħmlu gwiefen, gwiefen. Imbagħad ngħaddi jien nippakkjah bit-tondi. Nippakkjah balal tondi, rombli bħal dawn t’hawnhekk ta’ warajja,” qal il-bidwi Mark Vella.

Kull balla mit-tondi tiżen bejn 300 u 400 kilo u dawn jintużaw l-aktar bħala għalf għall-baqar. Jiġu ppakkjati wkoll balal iżgħar, kwadri, għal min ikollu merħliet żgħar jew żwiemel.

Il-balal jitħallew barra u għall-ħabta ta’ Santa Marija, meta tibda tiela’ l-għarixa, jitgħattew biex ma jixxarbux bix-xita.

It-tiben għall-annimali l-biċċa l-kbira kollha hu. Baqar, nagħaġ, żwiemel, bla tiben il-bhejjem tal-ħalib mhux se żżommhom. Il-bhejjem tal-ħalib kollha jridu t-tiben, bilfors biex jixtarru. Il-bqija ma żżommx bhejjem bla magħlef.

It-tiben maħsud mill-għelieqi f’Malta mhux biżżejjed għad-domanda tal-irziezet lokali li jimpurtaw qamħ minn pajjiżi oħra.

Aħbarijiet Oħra
Kultura

Maħżen tal-festa nbidel fi klassi fi proġett biex il-prattika ta’ snajja tradizzjonali li jispikkaw fil-festi Maltin tintiret u ma tmutx. Il-proġett tmexxa mill-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija ta’ Ħal Luqa, li…

Infrastruttura

Inkonvenjent li ilu snin jurta lill-Birżebbuġin se jiġi indirizzat bi proġett li Infrastructure Malta qalet se tibda fi tmiem dan is-sajf. Il-proġett hu maħsub li jtaffi l-problema tal-għargħar, ikkawżata mill-baħar…

Lokali

Mil-lejla bdew jiġu organizzati l-pellegrinaġġi fl-okkażjoni tal-festi tal-ibliet u l-irħula li se jibqgħu għaddejjin sat-8 ta’ Diċembru meta tiġi ċċelebrata l-Kunċizzjoni f’Bormla. Illejla, tliet lokalitajiet qed jorganizzaw dawn il-pellegrinaġġi: Ħal…

Tradizzjonijiet

Jumejn ‘il bogħod mill-Jum Internazzjonali tal-Bizzilla, grupp ta’ persuni nġabru fil-Mużew Nazzjonali tal-Etnografija, fil-Palazz tal-Inkwizitur il-Birgu, biex jaħdmu bizzilla tradizzjonali Maltija. Jekk hemm xi impressjoni li l-arti tradizzjonali tal-bizzilla qed…

Aktar