Lokali
Minn kwadru minsi fil-kripta għall-mument glorjuż għall-Madonna fil-Konkatidral

Waħda mill-ikbar u fost l-iżjed pitturi antiki fil-Konkatidral ta’ San Ġwann li saret minn pittur mhux magħruf iżda li kellha storja imżewqa ġiet restawrata – proċess li kważi ħa sena sħiħa.

Il-pittura, kbira 4 metri bi 3 metri, tirrappreżenta t-tlugħ tal-Madonna fis-sema. Il-Kuratur tal-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, Cynthia de Giorgio, qalet li kellha ħsarat kbar għax fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija tqegħdet f’ambjent umduż tal-kripta.

Hija qalet li minħabba li l-pittura kellha ħsarat kbar, diffiċli wieħed jifhem l-istorja ta’ dan il-kwadru. Spjegat li d-daqs tiegħu juri li bilfors li kien wara artal fi knisja, imma żgur li qatt ma kien fuq xi artal fil-Konkatidral.

Il-kuratur qalet, “Il-punt li hemm kwadru ieħor li huwa kopja tiegħu fl-Oratorju tal-Knisja ta’ Ġieżu, ġibidna hemmhekk biex naraw għaliex hemm dan l-inkwadru kopja tiegħu. U skoprejna li dan l-inkwadru kważi aħna ċerti li xi darba kien l-inkwadru tal-artal ta’ dak l-Oratorju.”

Wara l-isplużjoni li kien hemm fis-seklu 17 fl-Oratorju tal-Knisja ta’ Ġieżu, il-pittura ġratilha l-ħsara u ttieħdet deċiżjoni li l-pittur Stefano Erardi jerġa’ jagħmel il-pitturi li kien hemm fl-Oratorju.  Il-fatt li fil-pittura hemm Kristu qed iżomm l-istandard tal-Ordni juru li probabbilment il-benefattur kien Kavallier u għalhekk il-kwadru kien ittieħed fil-Konkatidral ta’ San Ġwann.

Ir-restawr kien fdat f’idejn Fr Charles Vella.  Huwa spjega li “L-irtokk kien ta’ sfida kbira għax dan għandek madwar 45% nieqes, lakuni, qisu jigsaw puzzle li trid tgħaqqdu u timla li jibqa’ jintgħażel mill-oriġinali.”

Il-Pro-Rettur tal-Konkatidral Monsinjur Victor Żammit McKeon, qal li l-pittura hija forma ta’ evanġelizzazzjoni għaliex fiha tidher il-glorja tal-Madonna, it-trinità, u l-appostli miġbura madwar il-qabar vojt tal-Madonna.

Il-Ministru għall-Kultura Owen Bonniċi rringrazzja lill-Fondazzjoni tal-Konkatidral tax-xogħol li tagħmel u li hu sejjaħlu eċċellenti.

Aħbarijiet Oħra
Lifestyle

Ilha minn mindu kellha erba’ snin tilgħab bil-pupi u tagħmlilhom id-dar tagħhom. Illum li hija omm ta’ tlett itfal, Rebecca Micallef għadha tilgħab bil-pupi, din id-darba iżda tibni djar tal-pupi…

Ġurnali

The Times of Malta Fl-ewwel paġna ta’ Times of Malta nsibu ritratt dwar il-Festival Internazzjonali tal-Ikel li fetaħ ilbieraħ fl-Imdina. Storja fit-Times tgħid li Brussell wissa lil Malta li tista’…

Ekonomija

Il-grupp Malti ‘Hudson’ li għandu sittin stabbiliment fl-Ewropa u l-Afrika se jinvesti aktar minn żewġ miljun ewro fil-bini ta’ ‘distribution centre’ f’Ħal Far li mistenni jkompli jsaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta…

Pulizija

Beda l-proġett pilota li se jara lill-pulizija jkunu mgħammra b’bodycams f’każijiet fejn ikun hemm bżonn ta’ evidenza ċara jekk ikun hemm attakki jew inċidenti li jkunu involuti fihom membri tal-korp….

Aktar