COVID-19
Minn Lulju tista’ tuża ċ-ċertifikat tal-Covid fil-pajjiżi kollha tal-UE

Mill-1 ta’ Lulju li ġej kull min jivvjaġġa f’pajjiżi tal-Unjoni Ewropea se jkun jista’ juża ċ-ċertifikat maħruġ mill-awtoritajiet Maltin bħala prova li huwa mlaqqam kontra l-Covid-19. Bl-istess mod Malta se tkun qed tirrikonoxxi ċ-ċertifikati ta’ tilqim ta’ turisti li huma ċittadini tal-Unjoni Ewropea.

Fi stqarrija l-Parlament Ewropew, li vvota għar-rikonoxximent taċ-ċertifikat diġitali, qal li ċ-ċertifikat se jinħareġ mingħajr ħlas mill-awtoritajiet nazzjonali u jkun disponibbli jew f’forma diġitali jew stampata u jkun fih QR code.

Id-dokument se jiċċertifika li persuna tkun ġiet imlaqqma kontra l-COVID-19, jew li kellha riżultat negattiv għal test, jew li tkun irkuprat mill-infezzjoni. Qafas komuni se jagħmel iċ-ċertifikati interoperabbli u verifikabbli madwar l-Unjoni Ewropea kollha, u jipprevjeni l-falsifikazzjoni.

Intlaħaq ftehim li l-pajjiżi tal-UE ma jkunux jistgħu jimponu restrizzjonijiet addizzjonali fuq l-ivvjaġġar fuq persuni li jkollhom iċ-ċertifikat, bħall-kwarantina, iżolament jew ittestjar ħlief meta verament neċessarji. Idealment dawn ir-restrizzjonijuiet għandhom jitħabbru 48 siegħa qabel lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni. Il-pubbliku għandu jkun mgħarraf 24 siegħa qabel.

L-Istati Membri tal-UE ġew imħeġġa joffru ttestjar bi prezz raġonevoli, bil-Kummissjoni twiegħed €100 miljun taħt l-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jixtru testijiet għall-ħruġ taċ-ċertifikati COVID Diġitali tal-UE dwar testijiet.

Ara wkoll:

Jitnieda servizz ġdid biex tikseb iċ-Ċertifikat tal-Vaċċin