Politika
AĠĠORNAT: Minn Marzu l-Libja żammet 5,000 immigrant milli jiġi Malta – Il-Ministru Bartolo

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Evarist Bartolo, qal li frott ir-relazzjonijiet b’saħħithom li nbnew fl-aħħar xhur bejn Malta u l-Libja, minn Marzu ‘l hawn l-awtoritajiet Libjani żammew mal-5,000 immigrant milli jaqsmu l-Mediterran b’ċans li jiġu Malta.

“Għall-15-il sena l-Ewropej ħadulna biss 8% ta’ dawk li ġew hawn, u allura s-soluzzjoni żgur mhix li l-ewwel jiġu hawn imbagħad naraw kif inqassmuhom. Imma jekk jista’ jkun ma jiġux hawn u allura importanti li jinżammu fil-Libja.”

Il-Ministru Bartolo qal li l-immigranti għandhom jinżammu f’kundizzjonijiet diċenti fil-Libja, u min m’għandux dritt għall-kenn politiku għandu jintbagħat lura pajjiżu.

F’konferenza tal-aħbarijiet dwar il-budget għas-sena d-dieħla, il-Ministru Bartolo tkellem dwar il-ħtieġa li l-pajjiż ikompli jifrex il-preżenza diplomatika u ħabbar il-ħsieb li jinfetħu ambaxxati ġodda fl-Etjopja u fil-Brażil ħalli jkompli jisseddaq il-kummerċ mal-bqija tad-dinja.

Mistoqsi dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-Ambaxxata Maltija fil-Libja, il-Ministru Bartolo qal li l-Gvern qed isegwi mill-qrib is-sitwazzjoni fil-pajjiż.

Waqt li fisser il-Ministeru tiegħu bħala għall-affarijiet tal-Maltin u l-Għawdxin, għax jaħdem biex iħares l-interessi tal-poplu f’Malta u barra, il-Ministru Bartolo qal li fil-bidu tal-pandemija ħadem biex ġab lura Malta aktar minn 1,600 persuna li jgħixu hawnhekk. Żied li ħidma oħra kienet għall-akkwist ta’ tagħmir mediku meħtieġ fil-ġlieda kontra l-COVID-19.

Is-Segretarju Parlmentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi, rrefera għall-pakkett ta’ iktar minn €2.25 biljun ta’ fondi Ewropej li Malta rnexxielha tinnegozja mal-Unjoni Ewropea għas-seba’ snin li ġejjin.

Dr Zrinzo Azzopardi qal li dawn il-flus se jintużaw fost oħrajn biex il-pajjiż ikompli jilqa’ għall-isfidi li ġabet magħha l-pandemja, fosthom billi jsostni l-iskema tas-suppliment tal-pagi tal-ħaddiema.

Spjega li fondi oħrajn se jkunu dedikatai għal ambjent aħjar u f’dan il-kuntest semma l-proġett biex il-vapuri tal-passiġġieri u tal-merkanzija jużaw l-elettriku minflok il-fuel meta jkunu fil-Port il-Kbir.