Lokali
Minn riħ skopra li għandu kanċer fit-testikoli

Waqt li Ottubru sar sinominu mal-kampanji fuq il-kanċer tas-sider, Novembru qed isir magħruf bħala Movember, ix-xahar li fih jitħallew jikbru l-mustaċċi b’messaġġ għal aktar għarfien dwar il-kanċer fl-irġiel.

Il-programm ta’ Television Malta, Skjetti, se jingħaqad f’din il-kampanja, fosthom bl-esperjenza ta’ Andrew Grech, li 5 snin ilu skopra b’ċikka li kellu kanċer fit-testikoli.

Andrew Grech għandu 43 sena. Ħames snin ilu, kellu jkun riħ komuni li wasslu biex jiskopri li għandu kanċer fit-testikoli. Jirrakkonta kif minkejja li kien innota li testikolu minnhom kiber fid-daqs tiegħu, qatt ma ndenja ruħu jmur għat-testijiet.

“It-tabib qalli Andrew, jew għandek tumur jew għandek infezzjoni. Għandek bżonn tmur tagħmel ultrasound. 5 minuti wara kont fi sptar privat viċin, nagħmel ultrasound, u r-radjoloġist qalli Andrew, inti għandek kanċer.”

Huwa stqarr li għalkemm ma ħalliex din l-aħbar tkissru, ammetta li ġiet fuqu bħall-Erbgħa fost il-ġimgħa, għax ma kien jaf xejn dwar il-kanċer fl-irġiel, u fil-familja tiegħu ma kien hemm ħadd li kellu kanċer. Martu ħadet l-aħbar b’mod ħażin għax kienet diġà tilfet lil qrabatha bil-kanċer.

Andrew stqarr li l-agħar mumenti kienu meta beda jieħu l-kimoterapija. Qal li l-uniku sabar kien isibu fil-kliem ta’ faraġ mill-infermiera, li fi kliemu kien jarahom anġli f’dan iż-żmien kiefer.

Wara 5 xhur jieħu l-kura, Andrew ingħata l-aħbar li fieq għal kollox mill-kanċer. Hu qal li għażel li jaqsam l-esperjenza tiegħu biex iħeġġeġ lill-irġiel jitkellmu, u jiċċekkjaw lilhom infushom spiss. Saħansitra, fetaħ paġna fuq Facebook bl-isem ta’ Malta Male Cancer Awareness biex iqajjem kuxjenza dwar dan.

“L-appell huwa lejn l-irġiel – kważi kważi lejn iż-żgħażagħ – għax il-kanċer tat-testikoli huwa komuni l-aktar bejn 15-il sena u 35 sena, avolja jista’ jolqtlok f’kull żmien. Għandna bżonn inkunu nafu l-forma tat-testikoli tagħna. Jekk inħossu kambjament, toqol, jekk inħossu testikola minnhom kibret, jew inbidlet fil-forma tagħha, immedjatament morru tkellmu mat-tabib, għax dan huwa kanċer minn dawk li jekk taqbdu kmieni, iċ-ċansijiet huma ta’ fejqan għal kollox.”

F’Malta, medja ta’ tlettax-il raġel fis-sena, jinstab li għandhom kanċer fit-testikoli. It-tim tal-programm SKJETTI, fil-programm tal-lejla li jixxandar fuq Television Malta għall-ħabta tal-għaxra u kwart, se jagħti bidu għal kampanja ta’ għarfien dwar dan il-kanċer.

Aħbarijiet Oħra
Parlament

L-għafsa ta’ qalb tan-nanniet li huma mċaħda min-neputijiet minħabba sitwazzjonijiet familjari reġgħet tqajmet fil-Parlament waqt sessjoni speċjali li kienet iddedikata lin-nanniet. Tressqet ukoll petizzjoni biex isiru emendi fil-liġijiet li jissalvagwardjaw…

Infrastruttura

Il-proġett sar b’inizjattiva tal-Kunsill Lokali tal-belt Victoria li għalih kiseb ukoll fondi mill-Unjoni Ewropea. Il-post ilu jservi ta’ spazju rikreattiv għat-tfal għal kważi ħamsin sena. Is-Sindku, Samuel Azzopardi, qal li…

Qorti

Raġel li kien qed isuq mutur bla liċenzja meta ntlaqat minn karozza, xorta waħda kien ikkumpensat għad-diżabbiltà li sofra kawża tal-inċident. Massimo Bonello ta’ 45 sena fetaħ kawża quddiem il-Qorti…

Xogħol

Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li x-xahar li għadda kien hemm 1,787 persuna jirreġistraw għax-xogħol. Dan juri li kien hemm tnaqqis fil-qgħad ta’ 702 persuni meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena…

Aktar