COVID-19
Minn ristoranti sa gyms se jingħalqu – il-multa għall-ksur tal-kwarantina tiżdied għal €3,000

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar iżjed miżuri f’dak li jista’ jitqies lockdown parzjali bl-għan li r-rata ta’ infezzjoni tal-coronavirus ma tiżdiedx b’rata mgħaġġla. Qal li b’effett minn għada f’nofsillejl se jidħol fis-seħħ avviż legali li permezz tiegħu jingħalqu għadd ta’ ħwienet biex jikun evitat li n-nies jiltaqgħu fihom.

“B’effett minn għada f’nofsillejl se jingħalqu l-bars, bars esklużi take aways, jiġifieri ħwienet li joffru servizzi ta’ ikel take away jistgħu jibqgħu miftuħin, se jingħalqu wkoll ristoranti, jiġifieri mhux se jkun permess li persuni jidħlu ġo restaurant biex jieklu, mhux se jkun hemm sit down jiġifieri. Se jingħalqu wkoll il-gyms, ironika li se nkun jien li nħabbar din l-aħbar, però r-responsabbilità titlob li tieħu deċiżjonijiet kollha meħtieġa biex il-prijorità tibqa’ s-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi. Dan l-għeluq se jkun jgħodd ukoll għall-każini, cinemas, tombla halls u fl-avviż legali li se jiġi ippubblikat se jkun speċifikat dawk il-ħwienet milquta minn din id-direttiva.”

Wara li fl-aħħar ġranet inqabdu diversi persuni li ma osservawx il-kwarantina mandatorja, il-Prim Ministru ħabbar li l-multa għal min jinqabdu jikser l-kwarantina telgħet minn elf għal €3,000. Dr Abela qal li l-Gvern ser ikompli jagħti d-direttivi kollha biex itawwal iż-żmien li jasal għal lockdown, jew idealment ma jasal għaliha qatt, anke jekk il-gvern għandu l-pjan lest fl-eventwalità li jkun hemm bżonnu.

Il-Prim Ministru qal li dan hu mument skomdu u ta’ sagrifiċċju għal kulħadd u għalhekk appella għall-koperazzjoni ta’ kulħadd. Dwar jekk jagħlaqx titjiriet ohra ġejjin minn pajjiżi fejn il-pandemija tal-coronavirus qed tiżdied, il-Prim Ministru appella biex min għandu joħroġ mill-pajjiż joħroġ, u min għandu jidħol jidħol.

Qal li ma jeskludix il-possibbilità ta’ projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar, dejjem skont il-pariri mediċi. Mistoqsi jekk hux se jippubblika l-pariri mediċi Dr Abela qal li jserraħ ras kulħadd li l-Gvern qed isegwi l-pariri mediċi kollha li jingħatawlu.

Il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li l-Gvern qed jagħmel dak kollu possibbli biex itawwal l-imxija tal-coronavirus fil-pajjiż. Qal li jippreferi xmara li tista’ tkun ikkontrollata milli tsunami biex is-sistema tas-saħħa ma taqbiżx il-limitazzjonijiet tagħha.

Il-Ministru tal-Intern, Byron Camilleri, qal li fl-aħħar jiem il-pulizija għamlu 376 spezzjoni fuq in-nies li kellhom jagħmlu kwarantina mandatorja u 5 persuni tħarrku. Dr Camilleri qal li l-Forzi Armati, il-Protezzjoni Ċivili u l-gwardjani lokali qed jgħinnu f’affarijiet oħra, fosthom biex jitqassam l-ikel u l-mediċini lill-anzjani.

Aħbarijiet Oħra
Barranin

Ajruplan li kien fi triqtu lejn il-Ġappun bi provvisti mediċi ġġarraf fl-ajruport ta’ Manila, fil-Filippini fejn mietu 8 persuni li kienu abbord. Il-gvern Filippin kien se jibgħat għadd ta’ provvisti…

COVID-19

It-tliet deputati Nazzjonalisti Għawdxin, Chris Said, Frederick Azzopardi u Kevin Cutajar qalu fi stqarrija li l-miżuri li tħabbru lbieraħ għall-isptar ta’ Għawdex huma fid-direzzjoni t-tajba, anke għax huma fost il-miżuri…

Lokali

Il-vjolenza domestika – pjaga moħbija tas-soċjetà li fi kriżi bħal din taf tgħolli aktar rasha. F’diversi pajjiżi fejn sar lockdown diġà rrappurtaw żieda fl-inċidenza tal-każi tal-vjolenza domestika. Il-kummissarju dwar il-vjolenza…

COVID-19

Ħaddiema fil-qasam tas-saħħa li huma meqjusa bħala vulnerabbli minħabba kundizzjoni medika jistgħu jibqgħu jaħdmu b’għażla tagħhom. Dan qalitu s-Supertendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, meta mistoqsija minn Television Malta dwar l-avviż…

Aktar