Edukazzjoni
Minn sidien ta’ kumpaniji sa gradwati fl-inġinerija mekkanika mill-MCAST

Mill-PolyTechnic għall-MCAST… 20 sena ilu l-MCAST inbidel f’istituzzjoni ġdida b’tagħlim vokazzjonali. F’għeluq l-għoxrin sena minn dan l-avveniment, illum l-MCAST żvela d-dehra ġdida li se jkollu għas-snin li ġejjin, waqt li tnieda wkoll il-prospett tal-korsijiet għas-sena li ġejja.

Dari kienet magħrufa bħala l-Polytechnic. Infetħet fl-1970 bil-għan li ġenerazzjoni sħiħa ta’ żagħżagħ ikunu armati bl-għarfien u l-ħiliet neċċessarji, hekk kif Malta kienet se tgħid l-addio lill-ekonomija bbażata fuq is-servizzi Ingliżi. Fl-2001 dan l-istitut edukattiv inbidel fil-Kulleġġ Malti tal-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija – l-MCAST – bħala l-istituzzjoni ewlenija tal-pajjiż għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali.

20 sena wara l-MCAST joffri 500 kors, b’190 kwalifika differenti, filwaqt li jaqdi l-ħtiġijiet ta’ madwar tnax-il elf li jattendu l-korsijiet full-time u part-time, b’madwar 40,000 student jagħżlu l-MCAST mit-twaqqif tagħha.

Mark Camilleri Gambin illum imexxi kumpanija li toffri software iddisinjat apposta għall-ħtiġijiet tar-riżorsi umani fin-negozju. Huwa eks student tal-MCAST li gradwa għaxar snin ilu, u ma’ TVM irrakkonta kif flimkien ma’ żewġt iħbieb tiegħu waqqfu din il-kumpanija proprju waqt li kienu għaddejjin bl-istudji tagħhom fl-MCAST.

“Anke dak iż-żmien kellna kontenut tajjeb biżżejjed ta’ intraprenditorija, apparti t-teknika li kellna bżonn, u nemmen li ma ssibha mkien, wkoll ħiliet oħra nibdew in-negozju tagħna,” qal Mark Camilleri Gambin.

Elizabeth Boxall, gradwata fl-inġinerija mekkanika, qalet li permezz tal-esperjenza ta’ apprentistat l-MCAST għenha tiffamiljarizza ruħha mal-post tax-xogħol u b’hekk sabitha aktar faċli biex tintegra fid-dinja tax-xogħol.

“Bħala mara f’dan is-settur qiegħdin fil-minoranza, però l-MCAST tagħtni l-għodda li għandi bżonn mhux biss biex nikseb id-degree iżda s-sapportli jiena għalkemm mara xorta waħda nista’ nilħaq it-tiri tiegħi,” qalet Elizabeth Boxall.

Fl-okkażjoni tal-20 sena mit-twaqqif tagħha l-MCAST libset libsa ġdida permezz ta’ emblema l-ġdida, li tnediet waqt li kien ippreżentat ukoll il-prospett il-ġdid għall-korsijiet għas-sena d-dieħla li jinkludi kemm għall-korsijiet full-time kif ukoll part-time.

Il-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST, il-Professur James Calleja, spjega ma’ TVM li s-simboli li jinsabu fl-emblema l-ġdida jirreferu għall-pilastri ewlenin li fuqhom huwa mibni l-kulleġġ: il-ħidma kreattiva, b’viżjoni internazzjonali u innovattiva. Huwa qal li l-għan tal-MCAST jibqa’ li jaħdem mill-qrib mal-industrija lokali sabiex il-programmi edukattivi jkunu xierqa għad-dinja tax-xogħol preżenti u futura.

“Aħna nixtiequ li l-istudenti tagħna jesperjenzaw id-dinja u l-ħajja tax-xogħol u allura qed nagħmlu sforz kbir biex biex l-industrija ssir partner strateġiku. 1,800 industrija illi hija fi sħubija magħna biex tieħdu l-apprentisti. Dan huwa importanti għaliex illum id-dinja tax-xogħol titlob il-prattika,” qal Prof. Calleja.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana qalet li l-gvern se jkompli joffri s-sostenn meħtieġ biex is-settur vokazzjonali u professjonali jibqa’ ċentrali fil-preparazzjoni tal-istudenti u tal-ħaddiema.