Lokali
Minn vittma ta’ vjolenza domestika għal rebbieħa ta’ Miss Universe

Minn vittma ta’ abbuż domestiku għar-rebbieħa tal-konkors Miss Universe Malta.

Friska mir-rebħ kmieni dalgħodu, Jade Cini tkellmet ma’ Television Malta biex tippromwovi l-kawża tagħha u tgħidilna dwar il-preparamenti għall-konkors li se jsir f’Iżrael, f’Diċembru li ġej.

Il-Ġimgħa filgħaxija, Jade Cini ġiet inkurunata bħala r-reġina tas-sbuħija f’Miss Universe Malta, li jwassal għal dak meqjus bħala l-iktar konkors tas-sbuħija prestiġġjuż fid-dinja.

Hija se tkun qed tirrappreżenta lil Malta f’Iżrael f’Diċembru li ġej, fejn se tkun qed tikkompeti ma’ kontestanti oħrajn minn madwar 90 pajjiż madwar id-dinja.

Apparti l-kuruna, Jade ħadet ukoll il-premju ta’ Miss Personality, unur li juri li s-sbuħija tagħha hija interna daqskemm hi fiżika.

Il-kampanja tagħha tul il-konkors kienet biex iżżid l-għarfien dwar il-vjolenza domestika, esperjenza li għaddiet minnha hi stess u, issa li ħarġet minnha, tixtieq tgħin lil ħaddieħor.

“L-advocacy tiegħi waqt il-kampanja ta’ Miss Universe Malta kienet domestic violence, hija xi ħaġa li jien personalment għaddejt minnha u issa li għandi l-platform ta’ Miss Universe Malta beħsiebni nkompli naħdem fuq dan u ngħin kemm jista’ jkun tfajliet, u anke ġuvintur, biex isibu l-kuraġġ u jfittxu l-għajnuna.”

Hija ħeġġet ukoll lil kull min għandu ħolma biex ma jaqtax qalbu u jaħdem għaliha sakemm iwettaqha.

“Forsi jekk hemm xi ħadd hemm barra li għandu xi ħolma jew xi ħaġa li vera jixtieq jagħmel, ma tagħmilx differenza kemm iddum biex tasal għaliha u forsi t-triq tkun diffiċli, imma finalment dejjem ikollok dak is-sodisfazzjon li tkun ħdimt għal xi ħaġa u wettaqt il-ħolm tiegħek realtà.”

Id-direttur ta’ dan il-konkors, Alan J. Darmanin, spjega kemm kienet diffiċli li jtella’ konkors bħal dan f’nofs pandemija, iżda qal li bħalma hu jħeġġeġ lill-kontestanti ma jaqtgħux qalbhom u jiġġieldu kontra l-ostakli li jiltaqgħu magħhom, hekk kellu jagħmel hu wkoll. Qal li Miss Universe Malta mhux sempliċiment konkors tas-sbuħija, iżda huwa ambjent li fih il-kontestanti jikbru u jsiru l-aqwa verżjonijiet tagħhom infushom.

“Il-fatt li narahom li mill-ewwel ġurnata li ltqajna kollha flimkien, forsi kien hemm ħafna minnhom li kienu mistħijin jew iżommu lura u rnexxilhom sal-final night tal-bieraħ, li ħarġu minn dik il-qoxra, rabbew ħafna iktar kunfidenza, dak ifisser ħafna għalija. U fil-fatt l-islogan tal-Miss Universe huwa ‘Confidently Beautiful’, u dak li ngħallmuhom aħna, biex huma jsiru confidently beautiful u jemmnu ħafna iktar fihom infushom.”

Ma’ Jade, li kienet qed tirrappreżenta l-Belt Valletta, kien hemm 23 kontestanta oħra. Fit-tieni post ikklassifikat Michela Galea, li kienet qed tirrappreżenta l-Imġarr u fit-tielet post Maxine Formosa, li kienet qed tirrappreżenta lil San Ġiljan.

Fil-konkors tal-bieraħ Michela Galea, li kienet qed tirrappreżenta l-lokalità tal-Imġarr, ikklassifikat fit-tieni post u Maxine Formosa ġiet fit-tielet post għal-lokalità ta’ San Ġiljan.

Tista’ ssegwi l-konkors ta’ Miss Universe li sar ilbieraħ minn hawn.