Storja
Minsija l-110 itfal li mietu mgħaffġa f’Ta’ Ġieżu għal biċċa ħobż

Bħal dan iż-żmien mitejn sena ilu, seħħet traġedja kbira fil-Karnival li fiha tilfu ħajjithom mal-mitt tifel li mietu mgħaffġa f’kunvent fil-Belt. Riċerka dwar dik il-ġrajja turi li ħadd ma kien responsabbli għal din it-traġedja li maż-żmien intesiet, anke għaliex lanqas qatt ma saret tifkira għal vittmi.

Il-ġurnata kienet il-11 ta’ Frar 1823, fi żmien il-Karnival, meta fil-Knisja ta’ Ġieżu fil-Belt Valletta tilfu ħajjithom għexieren ta’ tfal mill-Belt u l-Kottonera. Però mitejn sena wara x’nafu eżatt fuq din l-istorja?

Kellha tkun biċċa ħobż li taħsad il-ħajja ta’ madwar 110 itfal ta’ bejn it-tmienja u l-ħmistax il-sena, li dakinhar qalb iċ-ċelebrazzjonijiet u tbaħrid tal-Karnival, inġabru fil-Knisja ta’ Ġieżu fil-Belt Valletta sabiex jingħataw biċċa ħobż fi żmien meta t-tallaba u l-faqar kienu l-ordni tal-ġurnata.

Ir-riċerkatriċi Fiona Vella, li stħarrġet fid-dettall din il-ġurnata misħuta, qalet ma’ Television Malta li t-tfal foqra kienu nġabru fil-kunvent biex jitbiegħdu mit-tbaħrid tal-karnival.

“Kienet ironikament issir biex tipproteġi t-tfal tal-Belt u tal-Kottonera li kienu nħawi fqar f’dak iż-żmien, biex ikollhom ximkien fejn imorru u ma jispiċċawx fiċ-ċelebrazzjonijiet u l-geġwiġija tal-Karnival.”

Kompliet tgħid li sensiela ta’ żbalji setgħu wasslu għal din traġedja li fiha t-tfal mietu kawża ta’ rampaġġ. “Il-quddiesa damet siegħa iktar milli suppost. B’hekk meta t-tfal imxew lejn dan il-kunvent inzertaw it-tmiem taċ-ċelebrazzjonijiet, proprju dak li kienu qed jippruvaw jevitaw, u għalhekk ħabtu flimkien bin-nies qed jirritornaw lejn id-dar tagħhom u bit-tfal hawnhekk.”

Qalet li s-soltu l-bieb tas-sagristija kien jinżamm magħluq, però peress li kienu tard ħallewh miftuħ. “Xi nies li kienu jafu b’din it-tradizzjoni, ippruvaw jieħdu biċċa ħobż żejda huma wkoll, daħlu mat-tfal li kien hemm magħhom, u fid-dlam li kien hawn ħadd ma rahom deħlin. Kif kienu jagħmlu s-soltu għalqu l-bieb tas-Sagristija ħalli ħadd ma jidħol aktar,” qalet is-Sinjura Vella.

Qalet li anke l-lampa li s-soltu tkun mixgħula tħalliet mitfija. “Allura kif ingħalaq il-bieb tas-sagristija, spiċċaw fi dlam ċappa, inqalgħet frattarija sħiħa, kulħadd beda jipprova jimbotta u bdew jitgħaffġu t-tfal… u eventwalment jindunaw li 110 tifel bejn wieħed u ieħor kienu tilfu ħajjithom mgħaffġa jew fgata f’dak il-ħin.”

Ma’ Television Malta s-Sinjura Vella spjegat li investigazzjoni li saret mill-Gvernatur Richard Plasket ikkonkludiet li ħadd ma kien responsabbli għal din it-traġedja, għaliex kollox kien aċċidentali u xejn maħsub. Żiedet tgħid li ma tafx eżatt ir-raġuni għala m’hemmx min tal-anqas mafkar li jfakkar din il-ġrajja.

“Hija ħasra li mhix imsemmija, fil-fatt meta tkun qed titkellem ftit nies jafu dwarha, din hija paġna sewda fuq il-ġmiel tal-Karnival, m’għandiex idea għaliex m’hemmx lanqas mafkar.”

Qalet li hi tal-opinjoni li dawn it-tfal għandhom jiġu mfakkra għaliex din it-traġedja hija wkoll parti mill-istorja soċjali ta’ Malta.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Ingliż ta’ 56 sena jinsab fil-periklu tal-mewt wara inċident fil-Gżira. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħodu, meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fl-inħawi magħrufa bħala Manoel Island,…

COVID-19

Il-linja tal-ajru Ryanair qalet fi stqarrija li hekk kif il-maġġoranza tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea waqqfu t-titjiriet minn u lejn pajjiżhom, dan wassal biex iktar minn 90% tal-ajruplani tagħha mhumiex jintużaw. Qalet…

COVID-19

Inġiniera mill-Università ta’ Malta qed jibnu apparat li jiddiżinfetta l-maskli, bil-għan li dawn ma jintużawx darba biss u jintremew. Qalet dan fi stqarrija l-Università ta’ Malta, li saħqet li dan…

COVID-19

HSBC Bank Malta nieda serje ta’ miżuri addizzjonali biex dejjem aktar jappoġġja lin-negozji milquta b’mod negattiv mit-tixrid tal-Covid-19.  Dawn il-miżuri ġodda tfasslu speċifikament għal dawk il-klijenti li qegħdin jiffaċċjaw tfixkil…

Aktar