Politika
Miriam Dalli u Clyde Caruana se jidħlu fil-Parlament Malti

Il-grupp Parlamentari Laburista u l-Eżekuttiv tal-Partit Laburista approvaw il-co-option ta’ Miriam Dalli u Clyde Caruana fil-Parlament. Huma se jieħdu post Joseph Muscat u Etienne Grech.

Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Laburista ntqal li l-Prim Ministru llum laqqa’ lill-Grupp Parlamentari u lill-Eżekuttiv biex jiġu diskussi l-co-options ta’ Dalli u Caruana, li ntqal ġew approvati unanimament.

Miriam Dalli attwalment hija Membru Parlamentari Ewropew u l-Viċi President tal-S&D, filwaqt li Clyde Caruana huwa l-Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Qabel huwa kien jokkupa l-kariga ta’ Chairman Eżekuttiv ta’ Jobsplus, fost oħrajn.

Dawn l-iżviluppi se jwittu t-triq għal wiċċ ġdid għall-Partit Laburista fil-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni Elettorali fil-jiem li ġejjin mistennija tiftaħ in-nomini għal elezzjoni każwali minn fost il-kandidati li kkontestaw l-elezzjonijiet Ewropej is-sena l-oħra.