Kronaka
‘M’aħniex nitolbu vendetta imma ġustizzja’ – Miriam Pace tingħata l-aħħar tislima

Tlett ijiem wara t-traġedja fil-Ħamrun li ħasdet il-ħajja ta’ Miriam Pace, l-omm ta’ 54 sena ngħatat l-aħħar tislima minn folla li mliet is-Santwarju Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt u barra l-knisja.

Fl-omelija, l-Arċisqof Charles J. Scicluna talab lil Alla jagħti dar li ma tiġġarraf qatt lil Miriam u l-faraġ lill-għeżież tagħha. Qal li għal Miriam m’aħniex nitolbu vendetta imma ġustizzja u wassal kelma ta’ appoġġ lill-awtoritajiet biex dan isir.

Quddiem ix-xbieha tal-Madonna tal-Karmnu, li tagħha kienet devota ħafna, ingħatat l-aħħar tislima lil Miriam Pace li mietet mirduma taħt il-fdalijiet ta’ darha stess.

Fil-preżenza tal-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, il-funeral fis-Santwarju Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt, tmexxa mill-Arċisqof Charles J. Scicluna li ddeskriva lil Miriam bħala vittma innoċenti tal-inġustizzja.

L-Arċisqof qal li f’dan il-mument nersqu għand Alla għall-faraġ, għax stqarr li ma fihiex sens li omm tispiċċa mirduma minn darha stess.

“Nersqu lejh ukoll nitolbuh li lil din l-omm jagħtiha dik id-dar li ma tiġġarraf qatt. Għamara li ma jeħodilha ħadd.”

Monsinjur Scicluna sejjaħ għal ġustizzja għal Miriam.

“Ġustizzja fil-verità. M’aħniex qed nitolbu vendetta imma ġustizzja.”

Żied jgħid li l-awtoritajiet tal-istat se jsibu l-appoġġ ta’ kulħadd biex iwettqu t-talba għall-ġustizzja.

“Għax aħna mhux qed nitolbu ħafna affarijiet. Qed nitolbu li meta nkunu f’darna nħossuna safe.”

Monsinjur Scicluna qal li l-awtoritajiet li jissorveljaw il-bini ma jridux ikunu biss faċċata, imma jrid ikollhom dak kollu li hemm bżonn biex jagħmlu dmirhom. Saħaq li l-istudji fuq l-art ikunu kompluti biex id-deċiżjonijiet li jsiru, isiru sew.

“Wieħed jistaqsi imma kellha bżonn tmut Miriam biex din il-ħaġa tkun daqshekk ċara fil-moħħ u l-qalb tagħna? Għal magħmul m’hemmx kunsill. ”

L-Arċisqof radd ħajr lil dawk kollha, inkluż il-komunità tal-Madonna tal-Karmnu, għall-kampanji ta’ appoġġ li nedew għall-familja Pace u oħrajn li tilfu djarhom.

Miriam ġiet imfakkra bħala mara eżemplari u omm għal uliedha, mara għal żewġha, u devota tal-Madonna tal-Karmnu.