Lokali
Miss World Malta tiżvela l-ewwel ħaġa li ppakkjat għall-vjaġġ lejn Puerto Rico

Wara xhur ta’ tħejjijiet u sagrifiċċji wasal iż-żmien li r-rebbieħa ta’ Miss World Malta, Naomi Dingli, tibda l-vjaġġ biex tingħaqad mal-kumplament tal-parteċipanti li se jieħdu sehem f’Miss World.

Is-sebgħin edizzjoni tal-konkors Miss World se jsir fi Puerto Rico, b’Malta se tkun rappreżentata minn Naomi Dingli. Naomi qalet li tinsab lesta u ħerqana għal din l-esperjenza.

“Apparti milli preparata, eċitata wkoll u stressjata… nibda naħseb ‘imma lestejt kollox?’ Allura niċċekkja l-bagalja l-ħin kollu biex nara li għandi d-dokumenti kollha, imma sippost kollox ok.”

Naomi se tkun qiegħda tqatta’ xahar fi Puerti Rico, fejn mistennija tattendi diversi serati, fosthom Charity Event li għaliha se jkun hemm preżenti l-100 finalista tal-konkors.

Staqsejna lil Naomi x’kienet l-ewwel ħaġa li ppakkjat fil-bagalja, minħabba li trid tagħmel xahar imsiefra. Il-libsa tas-serata finali hux, dik l-ewwel ħaġa li tfajt għax żgur ma nistax ninsiha warajja. Tqila ħafna, daqsekk biss se ngħidilkhom! Hekk suppost ikollkom naqra ħjiel ta’ kif inhi l-libsa.”

L-esperjenza ta’ Naomi bħala Miss World Malta se teħodha f’diversi postijiet madwar Puerto Rico fi programm mimli b’ħafna photoshoots u filmati, xi ħaga li hi mdorrija bihom.

M’hemmx dubbju li s-sehem ta’ Naomi f’Miss World se tibqa’ mmarkata f’moħħha għal ħajjitha kollha, u kif qaltilna hi stess, hija ħolma li mhux se tinsiha malajr.