Barranin
Missier ifittex lill-iskola wara li qatgħu xagħar bintu fl-Amerka

Fl-Amerika missier ta’ tifla ta’ 7 snin qiegħed ifittex lit-tmexxija tal-iskola u lil żewġ membri tal-istaff wara li għalliema ddeċidiet li taqta’ xagħar bintu mingħajr permess. Huwa qed jitlob li jingħata kumpens ta’ madwar miljun dollaru Amerikan.

F’kawża f’qorti Amerikana, il-missier Jimmy Hoffmeyer qed isostni li nkisru l-jeddijiet kostituzzjonali ta’ bintu li hija ta’ razza mħallta. Huwa ddeċieda wkoll li joħroġha mill-iskola.

Investigazzjoni li saret mill-iskola f’Lulju li għadda kkonkludiet li waqt li l-għalliema kisret il-policy tal-iskola, hija ma aġixxixitx b’mod razzjali. L-amministrazzjoni tal-iskola wissiet lill-għalliema iżda ma keċċithiex minn xogħolha.

Il-każ seħħ f’April li għadda meta t-tifla Jurnee li għandha xagħarha afro waslet lura d-dar b’nofsu maqtugħ. Kienet ħabiba tagħha li qatgħetilha n-nokkli twal ta’ xagħarha waqt li kienu fuq ix-xarabank. Jumejn wara, it-tifla waslet lura d-dar b’aktar xagħar maqtugħ, anke jekk kienet ittieħdet għand parrukkiera li rranġatilha xagħarha kemm setgħet biex tonqos id-differenza bejn naħa u oħra. Il-missier ħaseb li kienet tifla oħra li qatgħetilha xagħarha iżda bintu qaltlu li kienet l-għalliema tagħha li ddeċidiet li taqbad u taqtgħalha xagħarha.

S’issa l-iskola għadha ma weġbitx għall-akkużi li qed jagħmel il-missier u lanqas ma kkummentat pubblikament dwar il-każ.