Droga
Missier Malti prova jneħħi ħajtu b’idejh u kien f’xifer il-mewt tliet darbiet

Henry, missier ta’ żewġt’itfal, qed jiġġieled battalja kontra d-droga u l-konsegwenzi tagħha. Wara 35 sena jabbuża mid-droga li matulhom kien f’xifer il-mewt tliet darbiet, illum hu determinat li bl-għajnuna tal-Caritas joħroġ mill-vizzju li ħakimlu ħajtu. TVM tkellem ma’ Henry, li m’huwiex ismu vera biex nipproteġu l-identità tiegħu.

Henry huwa determinat li ma jsirx statistika oħra f’każ dwar droga. Qal li din id-darba konvint li se jirnexxielu joħoġ mill-vizzju darba għal dejjem. B’ton miksur, jirrakkonta kif wasal f’xifer il-mewt tliet darbiet meta pprova jneħħi ħajtu b’idejh minħabba d-dipressjoni li żviluppa kaġun tad-dipendenza li kellu fuq id-droga.

”Kien hemm affarijiet li qisni ma aċċettajthomx f’ħajti u sirt naf maż-żmien bihom l-affarijiet. Qbadt nieħu l-pilloli, li nsib inkaxkar, dejjem lanqas naf fejn jien qiegħed. Ippruvajt ineħħi ħajti tliet darbiet, darba bil-heroin u darba bil-pirmli. Ippruvajt ukoll nitgħallaq” qal Henry.

Itqajna ma’ Henry, missier ta’ żewġt itfal f’ċentru ta’ rijabilitazzjoni, fejn ilu xhur isegwi programm tal-Caritas li għandu l-għan li jħejjih għal ġejjieni mingħajr droga. Stqarr li minn ċkunitu qatta kważi ħajtu kollha jabbuża mid-droga, minn eroina għall-kokaina, ħaxixa u drogi sintetiċi. Jirrakkonta kif id-droga wasslitu biex jisraq u jinqata’ min dawk l-aktar għeżież għalih.

”Ma tħallikx tirrispetta lil ħaddieħor fil-verità. Tkun egoist għalik innifsek. Tweġġa’ lil ħaddieħor bħalma tweġġa’ lilek innifsek. Ma hemmx triq oħra x’nagħżel f’ħajti ħlief li naqbad lili nnfisi u nibqa’ għaddej kif jien bħalissa” stqarr Henry.

Henry ddeskriva l-vizzju tad-droga bħala sitwazzjoni li fiha dejjem tellief minħabba li d-droga tikkorompi l-moħħ, il-ġisem u r-ruħ. Minkejja dan jgħid li fejn hemm il-ħajja, hemm it-tama u jixtieq li bl-istorja tiegħu jwassal messaġġ ta’ inkoraġġiment biex min spiċċa mirkub mill-vizzju ma jaqtax qalbu u jfittex l-għajnuna.