Qorti
Missier ta’ sebat itfal jammetti li bagħat lil uliedu żgħar jisirqu ġugarelli minn ħanut

Missier ta’ 38 sena minn Ħal Qormi tpoġġa taħt probation għal tliet snin wara li ammetta li l-Ħadd bagħat lil erba’ minn sebgħa minn uliedu jisirqu ġugarelli minn ħanut f’San Ġwann.

Isem ir-raġel li ma jaħdimx mhux jixxandar biex ma tinkixifx l-identità ta’ wliedu inkluż il-minuri li għandhom bejn 5 u 11-il sena.

L-Ispettur Matthew Grech xehed li l-Pulizija ġiet mgħarrfa dwar serq minn dar u ħanut f’San Ġann għall-ħabta tal-10.00 a.m. Filmati meħuda minn cameras tas-CCTV ikkonfermaw is-suspett tal-pulizija.

Huwa qal li r-raġel daħal fil-ħanut mal-erba’ wliedu żgħar li fi kliemu dehru mqabbda jaqbdu l-affarijiet minn fuq l-ixkafef u jitfgħuhom fil-bwiet tagħhom.

Huwa żied jgħid li l-Pulizija intervjeniet biex twaqqaf lis-suspettat waqt li wliedu, ta’ 5, 8, 9, u 11-il sena ġew afdati fil-kura ta’ ommhom.

Il-missier li qal li tilef xogħlu minħabba l-pandemija, kien akkużat b’serq ta’ ġugarelli u tagħmir elettroniku. Huwa ġie mixli wkoll li naqas milli jieħu ħsieb kif xieraq lil erba’ wliedu li għadhom taħt l-età.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea poġġiet lir-raġel fuq ordni ta’ probation għal tliet snin u ħeġġitu biex jindirizza l-problemi personali tiegħu. Il-qorti ġiet mgħarrfa li wliedu qed jiġu segwiti minn għadd ta’ social works.

Ir-raġel kien assistit mill-Avukat Arthur Azzopardi.