Lokali
Missier u iben se jiġu mixlija li vvandalizzaw is-Salib tad-Dejma

Il-Pulizija għalqet l-investigazzjonijiet dwar att vandalu li sar ix-xahar l-ieħor fuq is-Salib tad-Dejma li hemm fil-bidu taż-żona industrijali tal-Ħandaq u ħarġu akkużi fil-konfront ta’ missier u ibnu. Sorsi qrib l-investigazzjonijiet qalu liċ-ċentru tal-aħbarijiet li ż-żewġ persuni għandhom negozju fl-inħawi.

Se jitressqu l-Qorti l-ġimgħa d-dieħla żewġ persuni minn Ħal Luqa biex jiffaċċjaw akkużi li wettqu att vandalu fuq Salib tad-Dejma li jinsab fiż-żona industrijali tal-Ħandaq, fil-limiti ta’ Ħal Qormi. Il-persuni huma missier u ibnu li minn tagħrif li għandu ċ-ċentru tal-aħbarijiet huma familjari sew ma’ din iż-żona tant li għandhom negozju fil-qrib. Il-missier waħdu se jiġi akkużat ukoll li daqs tliet kwarti wara li allegatament twettaq ir-reat għamel rapport falz lill-Pulizija fl-Għassa ta’ Ħal Qormi. Akkuża oħra li se jiffaċċja hi li hu riċediv.

L-atti vandali fuq is-Salib tad-Dejma seħħew fl-għodwa tal-21 ta’ Settembru, jum ta’ btala pubblika, meta ż-żona tkun vojta mill-ħaddiema u għalhekk mingħajr ebda attività. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija ġew konklużi fl-aħħar jiem meta ġew ppreżentati l-akkużi fir-reġistru tal-Qorti. Mhux eskluż li l-atti vandali kienu motivati mill-fatt li l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qomi kien ħabbar li dan is-Salib tad-Dejma se jiġi rrestawrat mid-Direttorat tar-Restawr.

L-Iskola Sekondarja tal-Ħandaq kienet irrimarkat fuq il-midja soċjali li kienet ilha titlob li ż-żona tiġi rranġata u lmentat mit-telqa li hemm fl-inħawi waqt li insistiet li hi ħasra li jkollok skejjel sbieħ imdawrin b’rimi illegali ta’ skart fosthom tyres tal-karozzi u boroż taż-żibel.

L-istorja ta’ dan is-Salib tad-Dejma tmur lura sas-seklu ħmistax meta s-suldati tad-Dejma kienu jiltaqgħu f’dan il-post qabel jingħataw l-istruzzjonijiet dwar ix-xtut li għandhom jgħassu. Skont it-tradizzjoni l-kelma ‘Dejma’ ġejja mill-fatt li dawn is-suldati kienu parti minn reġiment li dejjem kien lest biex jiddefendi lil art twelidu. Sal-lum għadha mhix magħrufa d-data meta nbena dan is-Salid tad-Dejma, iżda jmur lura sekli.