Missier u ibnu jinħelsu minn akkużi li użaw flus foloz f’pompa tal-petrol

Raġel ta’ 47 sena u ibnu inħelsu mill-akkużi li ffrodaw pompa tal-petrol f’Ħaż-Żebbuġ u li serquha d-diesel bl-użu ta’ flus foloz għax ma ġiex ippruvat li l-akkużati kienu jafu li l-flus kienu foloz.

Il-każ imur lura għat-30 ta’ Ġunju 2005 meta Joseph Mary Cardona u ibnu Christian li dak iż-żmien kellu 16-il sena, kienu akkużati fost oħrajn li kellhom fil-pussess tagħhom flus foloz, li ffrodaw il-pompa tal-petrol Lm25 u li serquha l-fjuwil.

L-uffiċjal prosekutur Maria Stella Attard qalet lill-Qorti li l-Pulizija rċeviet rapport li għamlu d-diretturi ta’ Falcon Limited li huma sidien tal-pompa tal-petrol li fih qalu li sabu flus foloz li kienu depożitati fil-fuel dispenser.

Id-diretturi wrew lill-pulizija filmat miġbud minn kameras tas-sigurtà li juru t-transizzjoni u li wassal biex ġew identifikati l-akkużati. It-tnejn kienu arrestati u fuq il-missier instabu Lm10 u Lm5 li ma kinux foloz. Fi tfittxija fir-residenza tal-akkużati ma nstabux lanqas flus foloz.

Fi stqarrija lill-pulizija l-akkużat ma caħadx li kellu flus biex iħallas għad-diesel u li dan għamlu f’diversi ġranet inkluż fit-30 ta’ Ġunju meta waqaf ma’ ibnu biex xtara l-fjuwil. Żied li spiss jieqaf jixtri l-fjuwil mill-pompa tal-petrol u għax huwa jaħdem f’ħanut tal-laħam, dak inhar ħallas bil-flus li daħħal mill-bejgħ tal-ġurnata.

Huwa caħad li kien jaf li l-flus kienu foloz. Żied li kien lest irodd l-ammont iżda d-direttur tal-kumpanija Joe Falzon ma riedx u qal li l-kumpanija sofriet konsegwenzi serji.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera nnotat fost oħrajn li l-allegat filmat qatt ma kien esebit fil-Qorti u lliberat lill-akkużati mill-akkużi kollha kontrihom.