Barranin
Missjunarju Għawdxi jappella għall-għajnuna – urugan ħalla ħerba fil-Gwatemala

Fis-sigħat li għaddew bdew jiġu evakwati żoni kostali fil-Honduras, hekk kif qed jersaq it-tieni urugan f’temp ta’ ġimgħatejn li mistenni jolqot l-Amerika Ċentrali.

Pajjiżi f’din iż-żona għadhom qed jirkupraw mill-ħerba li ħalla warajh l-urugan Eta. Il-missjunarju Għawdxi Dun Anton Grech qed jitlob għall-għajnuna biex jgħin itaffi l-impatt tal-maltempata Eta fiż-żoni fejn iwettaq ħidma pastorali fil-Gwatemala.

Il-maltempata tropikali Eta, bdiet bħala urugan li fforma fl-Oċejan Atlantiku fil-bidu ta’ Novembru u laqat l-ewwel il-kosta tan-Nikaragwa. Meta mess mal-art inbidel f’maltempata tropikali u beda jikkawża għarar minn kull fejn għadda: il-Honduras, El Salvador u l-Gwatemala.

Il-missjunarju Anton Grech li jwettaq ħidma pastorali fir-reġjun ta’ Izabal, fil-Gwatemala, qal li l-maltempata waqqgħet ħafna siġar, fawret diversi xmajjar u qerdet diversi rħula fejn ħafna familji spiċċaw midfuna fi djarhom. Ix-xita niżlet kontinwament għal ħamest ijiem infila u fawwret xmara prinċipali – Motagua – bil-konsegwenza li ġarret dak kollu li sabet quddiemha.

Qal li l-għajnuna mill-Gvern damet jumejn biex bdiet tasal u kienu kumpaniji li jkabbru l-banana fl-akwati li taw l-ewwel għajnuna. Żied li bdew jindunaw li hemm nies li kien ilhom bejn jumejn u tlieta fuq is-soqfa taż-żingu tad-djar tagħhom jistennew l-għajnuna. Qal li dawn bdew jiġu salvati b’laneċ u ħelikopters.

“Kien diżastru totali, laqat b’mod dirett lill-aktar nies foqra, in-nies li daħlu u li bdew jiġu isibu post ta’ mistkenn fil-paroċċi u fil-knejjes tagħna. Riedu jerġgħu jirritornaw lura.”

Kompla jgħid li waħda mid-diffikultajiet kbar kienet li n-nies ma ridux iħallu l-ftit li għandhom warajhom biex isalvaw, iżda xorta spiċċaw tilfu l-ftit li kellhom. Qal li l-knisja fil-Gwatemala qed tgħin kif tista’ lil dawn in-nies u appella għal għajnuna biex ikunu jistgħu ikompli jtaffu ftit mit-tbatijiet li kkawżat il-maltempata lil dawn in-nies. Hu stmat li f’dan ir-reġjun s’issa mietu mal-150 persuna u ħafna oħrajn għadhom ma nstabux.

Għajnuna lil Dun Anton Grech tista’ tingħata hawn –Bank: APS Bank Malta – Victoria Gozo Branch, Isem: REV. ANTON GRECH A/C MISSIONS, Numru tal-kont: 36844920015, Iban: MT81APSB77013000000036844920015