Ambjent
Mistenni jibda dalwaqt il-bini tal-kumpless li se jiġġenera l-enerġija mill-iskart

Il-budget għall-ambjent kompla jiżdied għas-sena d-dieħla biex skont il-Ministru Aaron Farrugia, jitħaddar iktar il-pajjiż b’diversi proġetti u inizjattivi li huma intiżi għat-titjib fil-kwalità tal-ħajja tan-nies.

Il-Ministru Farrugia qal li ukoll li se jkun qed jibda x-xogħol fuq il-bini tal-Ecohive, proġett li se jkun qed jiġġenera l-enerġija mill-iskart.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius qal li bosta miżuri mħabbra fil-budget huma maħsuba biex jagħtu l-ħajja lir-residenzi li jinsabu fil-qalba tal-irħula u l-ibliet ħalli jissaħħaħ il-karattru tipiku Malti.

Il-Ministru Aaron Farrugia qal li l-miri ambjentali tal-Gvern għas-sena d-dieħla ttellgħu fuq nett tal-aġenda tal-pajjiż. Dr Farrugia qal li l-pjan huwa li l-Gvern ser ikompli għaddej b’ritmu mgħaġġel ħalli ssir il-bidla ekoloġika tant meħtieġa għall-ġid tal-familji. Spjega li ser tkompli l-ħidma għall-ekonomija ċirkulari, u anke se jkomplu jsiru riformi sensittivi li qal se jitwettqu f’setturi bħall-industrija tal-kostruzzjoni u l-ippjanar, b’miżuri u inċentivi ħalli jkun assigurat ambjent aħjar għall-ġenerazzjonjiet futuri.

Il-Ministru Farrugia sostna li fil-budget żdiedet l-allokazzjoni finanzjarja għall-qasam ambjentali biex isiru proġetti ta’ tħaddir urban u biex jitnaqqas l-impatt tat-traffiku. Semma l-proġett tal-mina ta’ Santa Venera u dak ta’ Triq Sant’ Anna fil-Furjana, bil-Ministru Farrugia jgħid li wara diversi studji din it-triq ser tinbidel fi ġnien li jestendi sad-daħla tal-Belt.

Dr Farrugia qal li għaddej ġmielu x-xogħol fuq l-ispazji miftuħa u żoni ħodor ġodda, bħalma huma l-proġetti li qed isiru f’Ħaż-Żabbar, Ħal Qormi, il-Ħamrun u l-Mosta. Spjega wkoll li qed isir rinnovar tal-ġonna ta’ San Anton u diversi proġetti oħra, fosthom fil-Liċeo San Ġorġ Preca, Ġnien Romeo Romano, Ġnien Spencer u l-Ġnien Belveder, li lkoll qal ser jitlestew sal-aħħar tas-sena d-dieħla. Proġett ieħor li rrefera għalih il-Ministru qal huw l-bini tal-kumpless Ecohive, b’nefqa ta’ €500 miljun, li huwa intiż biex l-iskart jinbidel f’riżorsa li tiġġenera l-enerġija.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Kostruzzjoni, Chris Agius, spjega d-diversi inċentivi li tħabbru fil-budget għas-sena d-dieħla biex iħajru aktar persuni jixtru propjetà mitluqa u djar antiki fil-qalba tal-ibliet. Qal li l-miżuri mħabbra huma intiżi biex koppji u individwi jiksbu għajnuna finanzjarja biex jirrestawraw propjetajiet biex isebbħu l-ambjent urban.

Huwa qal li se jissaħħu r-regolamenti bl-impenn li qed twettaq l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni, kif ukoll billi tkun introdotta liċenzja għall-kuntratturi. Is-Sur Agius qal li saru diversi programmi ta’ taħriġ biex il-ħaddiema fis-settur tal-bini jingħataw il-ħiliet meħtieġa u anke ser isir it-tibdil meħtieġ biex waqt proġetti ta’ kostruzzjoni ma jinħoloqx inkonvenjent għar-residenti, fosthom il-ħinijiet meta jista’ jsir l-iskavar. Spjega li dawn l-inċentivi wasslu biex fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena kienu ffirmati iktar minn 10,000 kuntratt b’valur ta’ iktar minn 2 biljuni ewro.