Politika
Mistennija tgħaddi b’mod unanimu mill-Parlament ir-riforma dwar il-liġi tad-divorzju

Il-Kamra tad-Deputati mistennija tapprova b’mod unanimu t-tieni qari ta’ abbozz ta’ liġi dwar il-kodiċi ċivili li se jwettaq riforma fil-liġi tad-divorzju.

Il-Prim Ministru Robert Abela ressaq l-abbozz u ddeskrivieh bħala riforma li se tneħħi d-dwejjaq ta’ stennija bla bżonn għal min fallielu ż-żwieġ u jrid jibda familja ġdida. Dr Abela qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni kien iġġeled kontrih fil-front ‘żwieġ bla divorzju’ u qal li issa l-Kap tal-Oppożizzjoni qed jitkellem mod ieħor għal konvenjenza.

Il-Prim Ministru Abela qal li l-istat għandu d-dmir li persuni jingħataw it-tieni ċans u ma jitħallewx jistennew erba’ snin. L-abbozz jipproponi li ż-żmien ta’ stennija għad-divorzju minn erba’ snin jinżel għal sitt xhur fejn ikun hemm separazzjoni u ż-żewġ partijiet ikunu qablu li jieħdu d-divorzju. Jaħseb ukoll għal talbiet għad-divorzju li jsiru minn parti waħda, bl-istennija se tkun ta’ sena flok erba’ snin.

Il-Prim Ministru qal li tibdil ieħor li għandu jsir jitratta l-mod kif jiġi deċiż il-kura u l-kustodja tat-tfal u l-kalkolu tal-manteniment.

Min-naħa tiegħu il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li l-liġi tad-divrozju tressaq biss bidla waħda – dik li l-istennija tonqos minn erba’ snin. Dr Grech qal li l-Gvern ressaq l-abbozz biex jagħti gambetta lill-Oppożizzjoni.

Qal li l-Oppożizzjoni qed tipproponi li l-istennija tkun ta’ sitt xhur f’kull każ biex ma jkunx hemm diskriminazzjoni anke fejn iż-żewġ partijiet ma jkunux qed jaqblu mat-talba tad-divorzju. Dr Grech żied jgħid li għandu jkun hemm il-possibilità li wieħed japplika għas-separazzjoni u għad-divorzju fl-istess ħin. Huwa semma wkoll illi l-mara m’għandiex tistenna divorzju jekk tkun trid tbiddel kunjomha.

Dr Grech qal li għandu fiduċja sħiħa fil-Qrati u semma’ li fejn ma jkunx hemm kumplikazzjonijiet bejn il-konjugi tiddaħħal il-proċedura sommarja u jonqos id-dewmien. Żied jgħid li għandu jidħol mekkaniżku ta’ kif ikun ikkalkulat il-manteniment.