Politika
AĠĠORNAT (3): Il-Prim Ministru jħabbar ir-riżenja tal-Ministru Justyne Caruana

Justyne Caruana rriżenjat minn Ministru għal Għawdex. Fl-ewwel seduta parlamentari ta’ Dr Robert Abela bħala Prim Ministru, hu ikkonferma li rċieva l-ittra ta’ riżenja tagħha u li aċċettaha. Ir-riżenja ta’ Dr Caruana waslet wara li lbierah ħarġu rapporti li żewġha, l-eks Deputat Kummissarju Silvio Valletta, siefer mal-allegat mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech.

Fl-ewwel diskors u l-ewwel seduta parlamentari ta’ Dr Robert Abela bħala Prim Ministru, ikkonferma li Justyne Caruana irriżenjat minn Ministru għal Għawdex.

“Jien aċċettajt din ir-riżenja. Nieħu l-okkażjoni tal-lum biex nirringrazzja lill-Onorevoli Caruana tal-ħidma tagħha, tal-ħidma li għamlet b’mod partikolari b’risq Għawdex u l-Għawdxin fiż-żmien li kienet tokkupa l-kariga ta’ Ministru għal Għawdex. Nirringrazzjaha wkoll għall-ħidma li għamlet b’mod partikulari mal-anzjani u persuni b’diżabbiltà fiż-żmien li kienet tokkupa l-kariga ta’ Segretarju Parlamentari għall-persuni b’diżabbiltà u anzjanità attiva. Nirringrazzjaha wkoll tal-ħidma li għamlet bħala membru parlamentari b’risq il-poplu Malti u Għawdxi kollu.”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li huwa ta’ dispjaċir u sintomatiku li l-ewwel aħbar tal-Prim Ministru Robert Abela fil-Parlament kellha tkun din ir-riżenja ta’ Justyne Caruana.

“Nifhem illi se jinfurmana wkoll minnufih dwar jekk dak li ġara dalgħodu kienx jaf bih hu, jekk kinitx taf bih il-Ministru t’Għawdex, u kemm ilhom jafu dwaru. Nifhem ukoll li se nkunu qed nisimgħu min se jieħu r-responsabbiltà tad-dekasteru ta’ Għawdex u nifhem ukoll li jekk dak li kellu jgħidilna l-Prim Ministru dalgħodu kien limitat biss għaldaqstant, allura ftit hija l-viżibbilità tad-direzzjoni li dan il-Parlament taħt Gvern ġdid se jkun qiegħed jieħu.”

Ir-riżenja ta Dr Caruana saret wara li l-gazzetta The Sunday Times ippubblikat storja li meta r-raġel tal-Ministru, Silvio Valletta, kien għadu Deputat Kummissarju tal-pulizija siefer ma’ Yorgen Fenech meta dan kien diġà meqjus bħala persuna ta’ interess fl-investigazzoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Fi żvilupp ieħor, il-ġurnal The Times qal li l-pulizija sabet filmat fil-mobile ta’ Yorgen Fenech tas-Sur Valletta fil-karozza Rolls Royce ta’ Yorgen Fenech.

Fl-ittra tagħha, Dr Caruana qalet li għalkemm hi m’għandha l-ebda rabta ma’ dawn l-fatti, qed tissottometti r-riżenja minn Ministru. Qalet li dejjem qdiet fedelment u b’dedikazzjoni assoluta l-inkarigu li kien fdat lilha, u dejjem imxiet b’rettezza u korrettezza. Qalet li hu għalhekk li titlob li tkun tista tiddefendi isimha minħabba uliedha.

Il-Prim Ministru Abela qal li dan huwa l-istandard etiku li ser jimxi bih il-gvern.

Sadanittant, il-Kamra tal-Kummerċ fi stqarrija qalet li r-riżenja ta’ Dr Cauana tibgħat messaġġ qawwi ta’ tolleranza żero biex ma jkun hemm ebda dubju dwar xi mġieba li ma tkunx skont l-istandards etiċi. Il-kamra qalet li tinħass arja friska ta’ governanza tajba anke f’deċiżjonijiet oħra meħuda mill-gvern fl-ewwel ġranet tiegħu.

Ara wkoll:

“Dan hu l-istandard il-ġdid li rridu nimxu miegħu” – Il-PM dwar ir-riżenja ta’ Dr Caruana

Justyne Caruna tiddikjara li ma kinitx konxja tal-istorja dwar żewġha

Aħbarijiet Oħra
Temp

L-uffiċċju meterjoloġiku qed iwissi li r-riħ mill-Majjistral ser ikun qawwi f’xi waqtiet fuq l-inħawi fejn jaqbel tal-Gżejjer Maltin. Ir-riħ mistenni jilħaq qawwa ta’ forza 6.

Kronaka

Dalgħodu, għall-ħabta tas-6:30, raġel Malti ta’ 72 sena nstab mejjet fiċ-ċella tiegħu. B’dan il-każ ġew infurmati minnufih il-pulizija tad-distrett biex jinvestigaw, u nħatret inkjesta bil-Maġistrat tal-Għassa, kif ukoll inkjesta interna.

Lokali

Tħabbret il-mewt taċ-Chairman tal-Bord tal-Housing Affordabbli,  Joseph Bartolo. Magħruf ukoll bħala l-Isloopy, Bartolo kien ukoll consulent fil-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali. Bosta qalu li se jibqgħu jiftakruh bħala riformatur soċjali u bejjiegħ…

Aktar