Barranin
Misteru dwar il-mewt ta’ ġurnalist Russu wara waqgħa ta’ 5 sulari

Ġurnalist investigattiv Russu, Maxim Borodin, li kien kiteb dwar l-imwiet ta’ xi merċenarji fis-Sirja, miet l-isptar wara li waqa’ mill-appartament tiegħu li jinsab fil-ħames sular.

Borodin instab bi ġrieħi serji mill-ġirien tiegħu f’Yekaterinburg u ttieħed l-isptar fejn miet iktar tard.  Uffiċċjali qed jgħidu li l-ġurnalist ma ħalla ebda nota li kien se jwettaq suwiċidju, iżda l-inċident mhux qed jitqies bħala reat.

X’ġara ftit qabel seħħ l-inċident?

Madanakollu, ħabib ta’ Borodin qal li l-appartament kien iċċirkondat b’xi uffiċċjali tas-sigurtà jum qabel seħħ l-inċident.  Vyacheslav Bashkov iddeksriva lil Borodin bħala ġurnalist ta’ prinċipju u onest u qal li Borodin ikkuntattjah fil-5am fil-11 ta’ April biex jgħidlu li xi ħadd b’arma kien fil-gallarija u kien hemm xi nies bil-maskli fuq it-taraġ tal-appartament tiegħu.

Huwa nstab bi ġrieħi serji ħdejn il-binja tal-blokka tal-appartamenti fejn jgħix nhar il-Ħamis, bl-awtoritajiet reġjonali qalu li l-bieb tal-appartament instab imsakkar minn ġewwa, indikazzjoni li ħadd ma daħal jew ħareġ mill-appartament.

L-editur ta’ Novyy Den, fejn kien jaħdem il-ġurnalist, mhux jemmen li Borodin miet b’mod inċidentali u qal li ma kien hemm ebda raġuni għala Borodin qatel lilu nnifsu.

X’kiteb Borodin?

Fl-aħħar ġimgħat, il-ġurnalist kiteb dwar il-merċenarji Russi, magħrufa bħala l-Grupp Wagner li kienu rrappurtati maqtula fis-Sirja fis-7 ta’ Frar f’konfrontazzjoni mal-forzi Amerikani.

Il-ġimgħa li għaddiet, il-kap tas-CIA Mike Pompeo li għadu kif ħalla l-kariga, qal li mijiet ta’ merċenarji Russi mietu fi ġlied li kien hemm fil-provinċja ta’ Deir al-Zour.  Il-merċenarji jidher li kienu qed jieħdu sehem f’attakk mill-ġellieta tal-Gvern Sirjan fil-kwartieri ġenerali tal-allejati tal-Istati Uniti li huma l-Forzi Demokratiċi Sirjani.

Ġimgħat wara r-Russja ammettiet li kien hemm numru ta’ ċittadini Russi li jew inqatlu jew indarbu, iżda saħqet li ma kienux suldati.  Ix-xahar li għadda, Borodin kiteb li tlieta minn dawk maqtula kienu mir-reġjun ta’ Sverdlovsk li jinsab fiż-żona ta’ Ural, li Yekaterinburg hija l-belt ewlenija.

Il-media fir-Russja

Borodin investiga l-iskandli politiċi, fosthom l-allegazzjonijiet li għamlet escort mill-Belarus magħrufa bħala Nastya Rybka f’filmat li mpustat mill-Mexxej tal-Oppożizzjoni Russu Alexei Navalny.

Ġurnalisti fir-Russja mhux l-ewwel darba li ġew attakkati minħabba x-xogħol tagħhom.  Fl-istess jum li Borodin instab midrub serjament, l-editur ta’ ġurnal reġjonali sofra minn aggressjoni f’Yekaterinburg.

Il-parti l-kbira tal-media hija kkontrollata mill-Gvern Russu u r-Russja tinsab fit-83 post minn fost 100 pajjiż b’rabta mal-libertà tal-istampa.

Aħbarijiet Oħra
Barranin

Fi Spanja, tkompli titqanqal tanqtlet diskussjoni kbira dwar il-liġijiet kontra l-vjolenza domestika wara li raġel ta’ 50 sena qatel lill-martu u waqt li ħareġ bil-parole qatel ukoll lill-avukata tiegħu li…

Barranin

Fil-Polonja, eluf ta’ nies attendew il-funeral tas-Sindku ta’ Gdansk Pawel Adamovicz li nhar il-Ħadd inqatel b’daqqiet ta’ sikkina waqt li kien qed jieħu sehem f’attività ta’ karità biex jinġabru l-fondi…

Barranin

Waħda min-nisa li weġġgħu fl-inċident li kien involut fih id-Duka ta’ Edinburgh, il-Prinċep Philip qalet li minn dejjem xtaqet tiltaqa’ ma’ xi ħadd mill-Familja Rjali. X’aktarx imma qatt ma bassret…

Annimali

Il-kelb li ddomina l-mezzi soċjali Boo miet fl-età ta’ 12-il sena. Is-sidien tiegħu qalu li wara li miet il-kelb Buddy fl-2017, Boo beda jkollu problemi f’qalbu. L-amministraturi tal-paġna tal-kelb fuq…

Aktar