Propjetà
Mit-Tnejn dawk li fiequ minn mard jistgħu japplikaw għal self mal-APS bil-garanzija tal-Gvern

Martina Fenech, hija waħda minn bosta li sal-lum ma kinitx tista’ ssir sid ta’ darha għax minkejja li fieqet mill-marda tal-kanċer, ma setgħetx tieħu assigurazzjoni fuq ħajjitha.

Qalet li sforz dak li għaddiet minnu disa’ snin ilu, kienet qed tiċċaħħad milli tgħix ħajjitha bħal żgħażagħ oħrajn, u għalhekk il-ħolma tagħha kienet dik li jkollha d-dritt bħal ħaddieħor li ssir sid ta’ darha.

Minn nhar it-Tnejn ser tidħol fis-seħħ l-iskema l-ġdida tal-Gvern New Hope Guarantee, immirata għal persuni bħal Martina li kellhom jew għandhom xi marda serja jew diżabilità, u li minħabba fiha jsibuha diffiċli jsiru sidien ta’ djarhom.

Dan wara li ġie ffirmat ftehim fil-prinċipju mal-APS Bank, li miegħu ser ikunu jistgħu jieħdu self għal djarhom il-persuni li jikkwalifikaw għal din l-iskema.

Martina laqgħet l-inzijattiva li permezz tagħha, l-istat se jkun qed jidħol garanti biex persuni bħalha u oħrajn b’diżabbiltà jkunu jistgħu jsiru sidien ta’ darhom. Dan għax fi kliemha, ebda marda jew ġrajja fil-passat m’għandhom jiddefinixxu ħajja ta’ bniedem.

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni soċjali Roderick Galdes qal li l-Gvern jinsab f’negozjati ma’ banek oħra biex ikunu jistgħu jkunu parti minn din l-iskema wkoll.

“Din l-iskema ġiet offruta lill-banek kollha Maltin. Ċertament ix-xogħol li sar fl-aħħar xhur, kien jinvolvi diskussjoni ma’ diversi banek, jiġifieri l-Gvern għaddej ukoll b’diversi diskussjonijiet ma’ diversi banek fosthom anki mal-APS, li kienu avvanzati ħafna, u llum wasalna biex invaraw din l-iskema.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Leonid Mckay, qal din l-iskema turi li l-politika soċjali qiegħda tilħaq lil kulħadd, anki minoritajiet li jkunu f’diffikultà. Is-Sur Mckay qal li l-garanzija ser tkun qiegħda toħroġ wara li jsiru l-verifiki kollha neċessarji.

“L-Awtorità tad-Djar, flimkien mas-CRPD, ser tkun qiegħda tagħmel il-verifiki kollha neċessarji, inkluż jekk persuna għandux proprjetà, inkluż il-kundizzjoni medika tiegħu li ser isir mis-CRPD, minn hemmhekk imbagħad meta persuna tissodisfa l-kriterji tal-iskema, l-Awtorità ħa tagħmel rakkomandazzjoni lill-bank biex il-persuna tkun tista’ toħroġlu l-loan u l-Awtorità tagħmel garanzija fuq l-ewwel €250,000.”

Is-Sur Mckay qal li l-Awtorità tad-Djar qiegħda taħdem ukoll fuq skema ġdida biex persuni li jaħdmu u ma jikkwalifikawx għal self mill-banek ikunu jistgħu jixtru l-proprjetà tagħhom.

“Qed nitkellmu fuq faxxa ta’ persuni li llum d-dħul tagħhom huwa relattivament medju, però xorta waħda qegħdin isibu diffikultà biex huma wkoll isiru sidien ta’ darhom u fl-istess ħin id-dħul tagħhom ma jagħmilhomx eliġġibbli għal akkomodazzjoni soċjali. Hemmhekk l-Awtorità, flimkien mal-Ministeru, qed naħdmu fuq mudelli biex naraw kif nistgħu nsibu stock ġdid ta’ akkomodazzjoni affordabbli.”

Leonid Mckay qal li dawn l-iskemi, flimkien ma’ oħrajn li diġà qegħdin fis-seħħ, joħorġu l-kredenzjali soċjali tal-Awtorità tad-Djar.