Lokali
Mit-Tnejn jerġgħu jibdew iż-żjarat fid-djar tal-anzjani – se jitneħħa l-perspex

Għall-ewwel darba f’għaxar xhur, mill-ġimgħa d-dieħla, se jerġgħu jibdew isiru ż-żjarat fid-djar tal-anzjani mingħajr perspex bejn il-qraba u r-residenti.

Waqt li ħabbar il-protokolli l-ġodda għad-djar tal-anzjani, il-Ministru Michael Farrugia appella għall-kawtela u qal li l-Awtorità tal-Istandards se tkun qed tagħmel spezzjonijiet biex tassigura fost oħrajn li l-qraba qed jilbsu l-maskra u l-visor, filwaqt li tinżamm id-distanza ta’ żewġ metri bejn il-qraba u r-residenti…u ma jkunx hemm bews jew tgħanniq.

Mit-Tnejn li ġej se jerġgħu jitħallew isiru ż-żjarat fid-djar tal-anzjani li għandhom iktar minn 90% tar-residenti mlaqqmin u għaddew ġimagħtejn mindu ħadu t-tieni doża.

Waqt iż-żjarat se jitneħħa l-perspex u l-viżti jistgħu jsiru b’appuntament darba fil-ġimgħa minn żewġt iqraba li jgħixu taħt l-istess saqaf. Iż-żjarat jistgħu jdumu sa 25 minuta u l-qraba se jintalbu jilbsu maskra u visor filwaqt li jżommu distanza ta’ żewġ metri mir-residenti. L-Awtorità tal-Istandards se tkun qed tagħmel spezzjonijiet biex tara li kulħadd jimxi ma’ dawn ir-regoli.

Waqt li elenka l-miżuri l-ġodda, il-Ministru għall-Anzjani, Michael Farrugia, qal li dawn il-protokolli se japplikaw f’36 djar tal-anzjani tal-Gvern, tal-Knisja u privati. Il-Ministru Farrugia qal li fadal tlitt idjar tal-anzjani li għadhom ma laqqmux iktar minn 90% tar-residenti tagħhom jew għadhom m’għaddewx ġimagħtejn mindu l-anzjani ħadu t-tieni doża/ Sostna li dawn se jadottaw dawn il-miżuri ġodda ladarba jilħqu dawn il-miżuri stabbiliti.

”Jekk isiru testijiet u jinstab li hemm xi anzjan jew anzjana li jkunu pożittivi, dawn jinħarġu minn dik id-dar u jitpoġġew f’dar għal tal-apposta sakemm jiġu negattivi għall-virus u tkun tista’ terġa’ tirritorna f’dik id-dar.”

Dr Farrugia qal li dawn il-miżuri se jagħtu ftit tan-nifs anki lir-residenti li se jibdew jingħataw iċ-ċans joħorġu mis-sala tagħhom wara xhur isegwu r-restrizzjonijiet li kien hemm fid-djar tal-anzjani matul il-pandemija.

”L-anzjani jistgħu jibdew jiċċirkolaw fid-dar kollha kemm hi u fil-ġonna u l-btieħi tad-dar. Jistgħu jużaw il-common areas. Jibdew jieklu fil-kamra tal-ikel. Jistgħu jsirulhom attivitajiet mill-istaff u attivitajiet reliġjużi b’ċerti kundizzjonijiet.”

Il-Ministru Farrugia qal li dawn il-protokolli se jkunu riveduti skont l-andament tal-pandemija. Residenti ġodda fid-djar tal-anzjani jridu jkunu tlaqqmu, u jekk dan ma jkunx il-każ, se jitpoġġew f’sala apposta sakemm jitlaqqmu.

Dwar ir-Residenza San Vinċenz de Paule, il-Ministru Farrugia qal li hemm 97% tal-anzjani imlaqqmin u għaddew ġimagħtejn mindu ħadu t-tieni doża. Għalhekk il-Ministru Farrugia qal li se jibqgħu fis-seħħ il-protokolli li hemm bħalissa fosthom li jistgħu jidħlu iktar minn żewġt iqraba minn djar differenti iżda bl-użu tal-perspex waqt iż-żjara bħala prekawzjoni.