COVID-19
Mit-Tnejn studenti tal-mediċina u l-infermerija se jibdew jagħtu t-tilqim

Madwar elfejn doża tal-vaċċin qed jingħataw kuljum minn 34 post differenti f’Malta u Għawdex biex il-programm ta’ tilqim huwa avvanzat bi tliet ġimgħat meta mqabbel mal-pjan oriġinali tat-tilqim.

Dan intqal mill-uffiċjal għoli fid-Diparitment tas-Saħħa u membru tat-tim ta’ strateġija, Steven Agius, f’laqgħa tal-kumitat parlamentari għas-saħħa.

Is-Sur Agius qal li t-tilqim qed jingħata minn għaxar ċentri tas-saħħa, 20 ċentru komunitarju, kif ukoll mill-Isptar Mater Dei, mill-kwartieri tal-Forzi Armati, l-Akkamdemja tal-Pulizija f’Ta’ Kandja, mill-Università ta Malta u postijiet oħrajn.

Fi tweġiba lid-Deputat Laburista Oliver Scicluna, is-Sur Agius qal li minħabba li tfal taħt is-16-il sena ma jistgħux jitlaqqmu, se jingħataw it-tilqima l-ġenituri ta’ tfal vulnerabbli taħt is-16-il sena biex l-istess tfal ikunu mħarsa.

Il-Professur Charmaine Gauci qalet li bħalissa l-għan ewlieni huwa li jonqsu l-imwiet u l-każijiet fost pazjenti li jista’ jkollhom komplikazzjonijiet. Qalet li dan l-għan qed jintlaħaq.

Il-Professur Gauci spjegat li n-numri ta’ każijiet qed ivarja minn jum għall-ieħor minħabba li għad hemm każijiet relatati mal-festi ta’ tmiem is-sena, każijiet minħabba t-temperaturi kesħin u anki l-varjanti. Hija qalet lid-Deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri li għaddejjin preparamenti biex tobba privati jagħtu t-tilqim, iżda qalet li kollox jiddependi minn kemm dożi ta’ tilqim jaslu kull ġimgħa waqt li jkunu assigurati l-kriterji tal-kwalità fl-għoti tas-servizz.

Fuq mistoqsijiet taċ-Chairman Silvio Grixti u s-Segretarju Parlamentari Deo Debattista, is-Sur Agius ħabbar illi minn nhar it-Tnejn li ġej studenti tal-aħħar sena fil-kors univeristarju għal tobba u għal infermiera se se jkunu ngaġġati biex jagħtu t-tilqima kontra l-Covid 19.