Lokali
Mitt sena mill-kisba tal-ewwel Kostituzzjoni ta’ Malta

Bħal dan iż-żmien 100 sena ilu seħħet żvolta importanti fl-Istorja ta’ Malta bil-kisba tal-ewwel kostituzzjoni. Dan irriżulta fost l-oħrajn wara l-irvellijiet imdemmija tal-1919 li għadna nfakkruhom kull sena fis-Sette Giugno.

Il-President George Vella qal li s-Sibt li ġej se jorganizza konferenza virtwali biex jiddiskuti l-isfont u l-importanza ta’ dan l-avveniment bil-għan li aktar Maltin jagħrfu tassew min huma u għaliex għandhom ikunu kburin bl-istorja.

Huwa stqarr li minn din il-konferenza jixtieq li l-Maltin ikomplu jifhmu aktar min huma, kif sirna nazzjon, kif nibtu l-għaqdiet u l-partiti politiċi, is-sehem tal-Knisja u għaliex għandna nkunu daqstant kburin bl-istorja tagħna.

Il-President Vella saħaq li jixtieq iwassal messaġġ li minkejja d-differenzi li jista’ jkun hemm, kif filfatt kien hemm fl-1921, l-għaqda hija importanti ħafna biex naslu.

Matul il-konferenza virtwali tas-Sibt se jsiru interventi mill-Professur Joe Pirotta, il-Professur Francis Camilleri Cassar, il-Professur Josianne Cutajar, ir-Reverendu Dr Nicholas Doublet u l-Professur Ray Mangion.

Waqt it-tnedija ta’ din il-konferenza l-Professur Mangion qal li dak li seħħ mitt sena ilu kien importanti għax għall-ewwel darba l-Maltin bdew jiddeċiedu huma stess dwar diversi oqsma li jaffettwawhom fil-ħajja ta’ kuljum.

Mistoqsi dwar il-ħidma tal-konvenzjoni kostituzzjonali għar-riforma fil-Kostituzzjoni, il-President Vella qal li qed jittama li din tkompli mill-aktar fis għax bħalissa minħabba s-sitwazzjoni tal-pandemija, huwa impossibbli li titlaqqa’ assemblea b’madwar 100 jew 150 persuna.