Lokali
Mix-xewk joħroġ il-ward – ħbiberija ġdida bejn żewġ familji

Residenti li spiċċaw b’parti mid-dar tagħhom imwaqqa’ fi G’Mangia, qalu li TVM li saħansitra spiċċaw jorqdu barra minħabba l-biża’ li xi ħadd seta’ jispiċċaw jidħol u jisraqilhom oġġetti ta’ valur sentimentali. Sadanittant, l-Awtorità tad-Djar qalet li l-erba’ familji affettwati ser jingħataw appartament li nkera mill-privat u obbligat lill-kuntrattur responsabbli biex ikopri l-ispejjeż kemm tal-iljieli fil-lukanda kif ukoll tal-kirjiet tal-flat.

Il-familja Brincat li jumejn ilu spiċċat bla dar meta ġġarfet parti minnha fi Gwardamangia, spiċċat kellha tindokra l-proprjetà tagħha anke matul il-lejl minħabba l-biża’ li miftuħa beraħ setgħet tispiċċa fil-mira ta’ ħallelin.

Iddispjaċuta, it-tifla Anthea, stqarret ma’ TVM li fid-dar hemm oġġetti ta’ valur sentimentali li mingħajr għassa wieħed jista’ faċilment jidħol u jisraqhom.

“Tara n-nies jittawlu, taf li hemmhekk hemm darek u kulħadd jista’ jidħol, taf li dik hija darek u jista’ jidħol kwalunkwe persuna. Sa jumejn ilu konna qegħdin hemm u issa ħadd ma jrid jgħidilna xejn x’se jiġri minna.”

Sakemm TVM kien qed jieħu dawn il-kumment, ftit qabel l-għaxra ta’ filgħodu, ġie fuq il-post Pulizija li se jibqa’ għassa fuq il-post.

Anthea esprimiet il-fehma li l-pajjiż mhux imħejji għal dawn l-eventwalitajiet bir-riżultat li huma bħala vittmi għadhom lanqas ipproċessaw eżatt x’ġara.

“Tal-Housing Authority meta jiġri xi ħaġa hekk, dawn in-nies raw li aħna għandna toqba, li ma nistgħux nidħlu ġo fih, kif ma ġewx dak il-ħin stess?”

L-Awtorità tad-Djar qalet li l-ħidma bdiet immedjatament wara li seħħ l-inċident, b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali u f’kuntatt mal-istess familji. Din waslet biex instabu erba’ appartamenti mis-suq privat li minn nhar it-Tnejn se jkunu allokati mill-Awtorità tad-Djar lill-familji affetwati.

L-Awtorità qalet li l-appartamenti huma kollha f’kundizzjoni tajba u jaqdu l-bżonnijiet tal-familji milquta. Qalet li sa nhar it-Tnejn, il-familji ġew ipprovduti wkoll akkomodazzjoni f’lukanda. Żiedet tgħid li rabtet lill-kuntrattur responsabbli biex jassumi l-ispejjeż kollha tal-akkomodazzjoni provduta lill-vittmi skont il-liġi, sakemm jitneħħa l-periklu fis-sit u l-familji jkunu jistgħu jmorru lura fi djarhom.

Raisa Gatt li wkoll kienet residenti fil-binja, qalet li għandha titwaqqaf struttura li taħseb għall-bżonnijiet ta’ dawk li jsibu ruħhom f’sitwazzjoni kif sabu ruħhom fiha huma. Fost oħrajn ilmentat li meta ċemplu lil min jipprovdilhom ċertu servizzi fid-dar, ma aċċettax li jissospendilhom il-kuntratt minkejja li s-servizzi mhumiex jużawhom.

“Xejn mhu se jitwaqqaf għalissa fhimt, xorta qegħdin jitħallsu għalxejn dawn at the end of the day aħna qegħdin inkomplu noħorġu l-flus.”

Skont Raisa Gatt, ingħataw ftit ċans sabiex mill-postijiet tagħhom jiġbru xi affarijiet personali.

“Konna b’tas-sorveljanza magħna telgħu magħna, 5 minuti kull wieħed tawna għax seta’ kien hemm il-każ li jiġri xi inċident jew xi ħaġa u napprezza ħafna f’dak il-każ imma f’5 minuti ma tistax tieħu dak kollu li għandek bżonn.”

TVM reġa’ tkellem ma’ Janet Walker li filwaqt li rringrazzjat lil dawk kollha li offrewlhom ilbiesi tal-preċett, qalet li l-libsa tal-preċett tan-neputija kienet l-ewwel oġġett li ħarġu mid-dar u issa jinsabu ħerqana li f’jum l-ewwel tqarbina jmur kollox sew.

Iżda għall-familja Walker, minn din it-traġedja ħarġet xi ħaġa oħra ta’ ġid.

“Aħna personali kellna problemi ma’ ta’ taħtna fil-passat, kien hemm xi affarijiet żgħar kellna xi tilwim. Meta ġara dan il-każ aħna ngħaqadna u qisu qatt ma kien ġara xejn u nixtieq li tkompli għaddejja din ir-relazzjoni.”

Hija kellha wkoll kliem ta’ ringrazzjament lil min iħaddem lilha u lill-oħtha li fehmu s-sitwazzjoni li sabu ruħhom fiha u appoġġjawhom.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

L-għada li l-Awtorità tal-Ippjanar wettqet azzjoni ta’ infurzar fuq fl-istallel fil-Marsa fejn kienu qed joqogħdu għexieren ta’ immigranti, is-sidien tagħhom jidher li żbarazzaw l-istallel. Sadanittant, TVM huwa infurmat li 37…

Lokali

Il-Mużew tal-Katidral fl-Imdina ngħata dimensjoni ġdida għax mhux ser jibqa’ biss post fejn ikunu esebiti artifatti prezzjużi iżda ser joffri opportunità ta’ tagħlim u post fejn artisti privati jesebixxu l-arti…

Ikel

Fl-Awstralja, l-ekoloġisti qed iwissu li n-numru ta’ kangaroos fis-selvaġġ m’għadux sostenibbli u qed iħeġġu lill-Awstraljani biex jieklu aktar laħam ta’ dan l-annimal li hu simbolu nazzjonali ta’ dan il-pajjiż imbiegħed….

Kultura

Għaddej b’ritmu mgħaġġel ix-xogħol ta’ restawr fil-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt fejn qed isir restawr fuq is-soqfa tal-kurituri u li huma mogħnija bil-pitturi. Ix-xogħlijiet ta’ restawr ser jiffukaw ukoll fuq l-art…

Aktar