Kronaka
Mixli b’attentat ta’ qtil b’daqqa ta’ njama – ma tixhidx kontrih u jinħeles

Raġel li kien mixli b’attentat ta’ qtil inħeles wara li l-vittma għażlet li ma tixhidx kontrih minħabba li qalet li l-aggressjoni kienet każ “familjari” u li “s-sitwazzjoni tjiebet.”

Christopher Cauchi ta’ 38 sena kien akkużat li nhar it-28 ta’ Marzu 2018 fis-Siġġiewi pprova joqtol mara billi taha daqqa ta’ njama, fejn ġiet iċċertifikata li sofriet ġrieħi gravi.

Huwa kien mixli wkoll li ħebb għal raġel ieħor bla ma darbu, u li kiser il-paċi pubblika. Il-prosekuzzjoni talbet li Cauchi jiġi meqjus ukoll bħala riċediv.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, ikkunsidrat li l-vittma ma riditx tixhed kontra l-allegat aggressur, filwaqt li r-raġel l-ieħor li daħal fl-argument lanqas ma xtaq jixhed biex ma jinkriminax ruħu peress li nfetħu proċeduri separati kontrih.

Għalhekk il-Qorti ħelset lil Cauchi mill-akkużi kollha minħabba nuqqas ta’ provi.