Lokali
Mixli li darab lil martu serjament wara li ħafritlu f’każ simili 10 snin ilu

Raġel ta’ 59 sena, minn San Ġwann u li jaħdem għal rasu fl-industrija tal-kostruzzjoni wieġeb mhux ħati li weġġa’ serjament lil martu, li insultha u li heddidha.

L-Ispettur Sherona Buhagiar qalet li l-każ seħħ it-Tnejn li għadda f’residenza privata wara li nqala’ argument bejn il-koppja li fih indarbet il-mara.

Hija ttieħdet l-isptar Mater Dei fejn ġie iċċertifikata li sofriet ġrieħi serji. L-avukat tal-akkużat qal li l-mara ma ġarrbitx ksur fl-argument u li t-tabib li eżaminha ma jafx il-liġijiet.

Huwa talab għall-ħelsien mill-arrest u qal lill-qorti li l-akkużat kien lest imur jgħix ma’ oħtu f’San Ġiljan.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-biża’ ta’ intraċċ tal-provi u minħabba n-natura tal-ġreħi. Hija qalet li r-raġel kien diġà arrestat fuq akkużi simili 10 snin ilu iżda martu kienet ħafritlu.

Huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €5,000 u depożitu ta’ elfejn ewro. Huwa kien ordnat ukoll jiffirma l-għassa darbtejn fil-ġimgħa u biex ma joħroġx mid-dar bejn it-8.00 p.m u s-6.00 a.m. Huwa kien ukoll pprojbit milli jitkellem ma’ martu.

Il-qorti ordnat li tinħareġ ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-mara.